Fi stqarrija l-Unjin Maltija għall-Għalliema qalet li wara diskussjonijiet estensivi mal-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima u progress sinifikanti fin-negozjati, kif irrappurtat lill-membri, il-unjin se tkun qed tissospendi d-direttivi kollha f’MCAST b’effett minn nhar it-Tlieta 18 ta’ Frar 2025 u sal-aħħar ta’ Frar 2025. Dan sabiex ikomplu n-negozjati bil-għan li jiġi konkluż il-Ftehim Kollettiv ta’ MCAST.
Bħalissa ż-żewġ naħat qed jiddiskutu l-ftehim settorjali ġdid għall-letturi tal-MCAST, fejn kien ġie rrappurtat li l-istess MUT kien qed tagħmel talbiet mhux sostenibbli.
Il-Gvern dejjem tenna sabiex in-negozjati jibqgħu għaddejjin u sabiex is-sens komun dejjem jirbaħ, dan dejjem favur l-edukazzjoni tal-istudenti f’din l-istituzzjoni edukattiva.