Il-Biblijoteka Nazzjonali tgħożż sew id-dokumenti u l-manuskritti li jiddeskrivu l-istorja tagħna l-Maltin. Fost dawn insibu d-dokument prezzjuż, li bih l-Imperatur Karlu V kien ta l-Gżejjer Maltin lill-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann fl-1530, kważi ħames mitt sena ilu.
Crew ta’ ONE News żar il-Biblijoteka Nazzjonali fil-Belt Valletta biex jara dan id-dokument magħruf aħjar bħala privileġġ rjali u tkellem ma’ assistent librar dwar l-istorja ta’ din il-ġrajja.
“Dan id-dokument huwa l-privileġġ rjali mogħti mill-Imperatur Karlu V lill-Ordni ta’ San Ġwann li, permezz tiegħu, l-ordni setgħu jiġu hawn Malta u jkollhom lil Malta bħala l-bażi tagħhom fejn ikollhom il-kunvent tal-Ordni ta’ San Ġwann. Kien maħruġ mill-Imperatur Karlu V fil-25 ta’ Marzu tal-1530 u nistgħu ngħidu li, permezz tiegħu, bdiet fażi ġdida fl-istorja ta’ Malta.”
JEREMY DEBONO
Meta wieħed iħares lejn dan il-manuskritt, jara xi ħaġa mhux tas-soltu.
Jeremy Debono jispjega li anke l-qies tad-dokument jixhed il-valur tiegħu.
“Il-qies tad-dokument jixhed l-importanza tiegħu. Fil-fatt huwa privileġġ rjali u miegħu, fortunatament, għadhom jeżistu kemm is-siġill li kien issiġillat bih mill-Imperatur fejn fil-fatt fis-siġill tax-xemgħa ħamra tidher ix-xbieha tal-Imperatur ukoll u għandna wkoll il-borża tal-bellus aħmar li fiha kien ikkonservat dan id-dokument oriġinarjamnt meta nħareġ mill-kanċillerija imperjali.”
JEREMY DEBONO
B’rabta ma’ dan, din is-sena tfakkar il-500 anniversarju mid-deċiżjoni tal-Imperatur Karlu V li jagħti lil pajjiżna lill-Kavallieri.
“Titfakkar il-ħames mitt sena minn meta l-Ordni ta’ San Ġwann għamel l-ewwel talba lill-Imperatur Karlu ħamsa biex joffrilhom xi tip ta’ art fejn ikunu jistgħu jagħmlu l-bażi tagħhom.”
JEREMY DEBONO
Jeremy Debono tenna li, sfortunatament, dan id-dokument ma jistax ikun esebit għall-pubbliku minħabba li hu fraġli ħafna.
“Wieħed mill-arkivji l-aktar importanti hu l-arkivji tal-Ordni ta’ San Ġwann li jkopri aktar minn sebat elef volum. Ovvjament dawk id-dokumenti huma antiki ħafna u għandhom bżonn ċerta protezzjoni u ċerta kura, għax ma tistax tesponihom għal dawl qawwi, għax id-dawl jista’ jagħmel ħsara lill-inka u biż-żmien tiċċara u anke ma tibqax tinqara.”
JEREMY DEBONO