Bosta persuni li jidħlu minn ħdejn il-funtana Tritoni, jinnutaw kif din il-ġawhra tinsab mitfija.
Dan hekk kif bħalissa din jinsabu għaddejjin fuqha xogħlijiet ta’ tindif li mistennija jieħdu madwar erba’ ġimgħat.
Fi Pjazza Tritoni, fl-isfond tax-xogħol għaddej, iltqajna mad-Direttur tal-Manifattura u Servizzi fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Ray Caruana u l-Uffiċjal tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, Kenneth Cauchi.
Huma spjegaw ma’ ONE News, kif dan ix-xogħol isir kull sitt xhur.
Caruana spjega magħna li f’dan il-proċess jittnadaf l-ilma minħabba l-ħmieġ li jkun trabba, fost affarijiet oħra.
Qal, “Dan il-proċess ta’ tindif huwa importanti ħafna għax kemm mill-għadd viżibli u anki biex tinżamm l-indafa tal-funtana nnfisha, għax jekk immantnuha kif suppost u nibqgħu u nżommuha hekk, titgawda mill-Maltin u t-turisti li jiġu jżuruna.”
Cauchi spjega kif il-bronz li jifforma il-figuri tat-Tritoni jkollhom bżonn tindif ukoll minħabba l-materjal.
Hawnhekk ġie spjegat kif il-muniti li jittwaddbu min-nies f’din il-funtana jħammġu l-ilma, hekk kif joħroġ is-sadid minnhom u jtebbgħa l-qiegħ tal-funtana.
Minħabba hekk ikollu jsir trattament iżjed delikat.
Qal, “Jitbattal l-ilma kollu, jitneħħew il-muniti kollha. Il-muniti jitneħħew ta’ spiss biex ma jtebbgħux il-qiegħ. Però n-naqra li jdumu fil-qiegħ, itebbgħu l-qiegħ u dan ikun irid jiġi mnaddaf iktar mis-soltu, minn sempliċiment il-water treatment perjodikali.”
Intqal kif dan il-proċess qed jipprepara lil din il-funtana sabiex tkun fl-aqwa stat possibli għax-xhur tas-sajf, meta bosta Maltin u turisti jżuru l-Belt Kapitali.