Illum hija ġurnata speċjali li fiha niftakru fis-sagriffiċji kollha li jagħmlu l-ommijiet għal uliedhom. ONE NEWS iltaqa’ ma’ Rowena Attard, omm tifel ta’ 11-il sena li għandu spina bifida. Kundizzjoni li titwieled biha u hija riżultat ta’ problemi fl-ispina tad-dahar. Minħabba din il-kundizjoni, ċ-ċkejken Matthias juża s-siġġu tar-roti.
Rowena ddeskriviet kif minkejja d-diffikultajiet li jgħaddi minnhom Matthias, huwa xorta ferrieħi, jgħin lil kullħadd u kapaċi jħobb ħafna.
Meta saqsejna lil Rowena dwar kif ħassitha meta saret taf li ser ikollha tifel bi bżonnijiet speċjali, wieġbet li kien mingħaliha li ser twelled tewmin, iżda weldet iben bi bżonnijiet speċjali. Ma kinitx sitwazzjoni faċli għall-familja Attard meta t-tabib fehemhom dwar il-kundizzjoni. Minkejja li Rowena kienet semgħet dwarha qabel, ma kinitx taf eżattament x’inhi.
https://youtu.be/v_GdgOE_Yf0
Din l-isfida Rowena, affaċjata b’kuraġġ sa mill-ewwel siegħat ta’ ħajjet Matthias b’mod speċjali meta kellha x’tieħu ħsieb ukoll lil ħuħ Gabriel li fih sabet spalla. Faħħret l-imħabba u l-għajnuna li ssib minnu u qalet li dawn jgħinuha ma taqtax qalba. Stqarret magħna li matul dawn l-aħħar sentejn il-problemi fis-saħħa ta’ Matthias kienu iżjed diffiċli minn qatt qabel, iżda l-familja lesta biex taffaċja din ir-realta’ b’kuraġġ.
Tul l-intervista biswit ommu kien hemm Matthias, li b’ħarsa biss stajna naraw l-għożża li biha jħares lejn ommu, u magħna qasam ħsibijietu dwar din il-persuna tant importanti f’ħajtu. Bil-messaġġ li flimkien tingħeleb kull sfida, l-omm u l-iben riedu li l-istorja tagħhom tkun ta’ inspirazzjoni għal min għaddej minn sitwazzjonijiet diffiċli u għaddew dan il-messaġġ.
https://youtu.be/W4EbKfTtT5Q