Il-gazzetta Il-Mument ġabet verżjoni mqassra tad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, fir-replika tiegħu għad-diskors tal-Baġit. Dan għamlu, skontu, “għal skop ta’ rekord għal dawk li jiġu warajna”.
Iżda anke fil-verżjoni ridotta, ir-rapport tal-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista stess jikkonferma kemm Grech ħejja diskors miżgħud bi żbalji bażiċi, kif diġà indika bl-aktar mod ċar il-Prim Ministru Robert Abela u l-istess żvela ONE News b’eżempji fattwali.
Fost l-oħrajn, tal-Mument qalu li “r-rata tal-inflazzjoni niżlet bi ftit fl-aħħar xhur għal 2.1%”. Fil-verità, l-aħħar stqarrija tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li f’Settembru r-rata kienet 1.2% jew kważi punt perċentwali inqas milli qal Bernard Grech.
U altru milli niżlet bi ftit. Hekk kif, sa sena ilu, ir-rata kienet madwar sitt darbiet aktar minħabba l-inflazzjoni globali.
Il-gazzetta uffiċjali Nazzjonalista qalet li Bernard Grech qal li “għandha titnaqqas it-taxxa li jħallsu l-pensjonanti kollha”. Dan meta, kif diġà żvela ONE News fl-aħħar jiem, id-dħul mill-pensjoni tal-Gvern ilu ma jiġi intaxxat sa mill-2017 u mill-2022 ukoll ġiet eżentata t-taxxa fuq dħul ieħor għal min jibqa’ jaħdem.
Agħar minn hekk, l-istess rapport isostni li “waħda mill-proposti tal-PN hi li jitnaqqsu l-parent rate tax brackets biex il-ġenituri jibqagħlhom aktar flus”.
Dan meta fid-diskors tal-Baġit intqal li, dwar din it-tip ta’ komputazzjoni ta’ taxxa, mis-sena d-dieħla, it-threshold, li taħtu ma titħallasx taxxa, se jiżdied minn €10,500 għal €13,000, li jfisser li l-ewwel €13,000 fid-dħul hu bir-rata ta’ 0%. Dan minbarra li r-rata ta’ 15% tiġi applika sa €17,500 u sas-€60,000 titħallas bil-25%.
Dan ifisser li t-tnaqqis fit-taxxa se jfisser bejn €375 u €650 fis-sena aktar fil-bwiet tal-ħaddiema.
Il-fatt li l-Kap Nazzjonalista ppropona miżura, li diġà kienet issemmiet bi prominenza fil-Baġit, hu l-akbar konferma tal-inkompetenza tiegħu kif ukoll ta’ dawk li qabbad biex jiktbulu d-diskors.
L-istess kif ġara bil-Pre-Budget Document tiegħu, li internament ukoll ġie deskritt bħala “bla sustanza”.
Ċirkostanzi simili wkoll għal dawk tal-manifest tiegħu fl-aħħar elezzjoni ġenerali fejn kien hemm ħafna verżjonijiet iduru li lanqas jabqlu bejniethom.
Waqt li membri tal-Grupp Parlamentari tiegħu stess tħawdu bid-diskors fil-Parlament it-Tnejn li għadda, tal-Mument komplew iħawdu bil-verżjoni ppublikata fl-aħħar ħarġa l-Ħadd, li wkoll ma taqbilx mad-diskors li wassal Bernard Grech.
L-unika ħaġa konsistenti f’kull verżjoni ta’ dan id-diskors kien in-nuqqas ta’ sustanza u l-iżbalji bażiċi.