Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claud Juncker kellu kliem ta’ tifħir għall-pajjiżna fis-seduta plenarja fi Strasburgu wara l-indirizz li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament Ewropew.
“Il-jum li Malta ħadet il-Presidenza huwa jum sabiħ ħafna, kuntent ħafna bil-preżenza ta’ Malta.” Huwa tkellem favur il-prijoritajiet tal-Presidenza tal-2017 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u b’referenza għall-immigrazzjoni qabel li ebda stat ma jista’ jħabbat ma’ din il-problema waħdu. Huwa qal li jafda bi sħiħ f’Malta li se tkun qed tagħmel dak kollhu possibbli biex naraw żvillupp f’din il-problema.
Juncker saħaq li pajjiżna huwa ċ-ċentru tad-diskussjoni hekk kif huwa l-pont bejn in-Nofsinhar u t-Trammuntana u l-Lvant u l-Punent. Appoġġja ukoll l-ħsieb ewlieni tal-Presidenza Maltija b’rabta mal-migrazzjoni, jiġifieri li l-uffiċċju tal-EASO jsir aġenzija Ewropea li tħaddem proċess uniformi tal-ażil u li r-regolament ta’ Dublin jinbidel f’wieħed li jirrifletti aħjar il-qsim tar-responsabbiltajiet.
Il-President tal-Kummisjoni Ewropea qal li huwa pożittiv li b’Malta fi tmum tal-Presidenza Maltija, se jkun hemm żviluppi importanti fosthom fejn jidħol l-investimenti u s-suq tax-xogħol.
Għamel ukoll referenza għall-bżonn li jkun hemm aċċessi ġodda għall-kapital li jibbenefikaw minnhu l-intrapriżi ż-żgħar. Wara d-diskors ta’ Jean Claude Juncker il-Presidenzi tat-tmien gruppi politiċi fil-Parlament qed iwasslu l-ħsibijiet tagħhom dwar il-prijoritajiet Maltin.