Il-gazzetta, Il-Mument, nstabet ħatja ta’ malafama fil-konfront ta’ Franco Mercieca, dan wara li l-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza ta’ libell.
Dan il-każ imur lura għall-15 ta’ Diċembru 2013, meta l-gazzetta fi żmien meta Mercieca kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva ppubblikat artiklu bit-titlu Franco Mercieca jisfida u jibqa’ għaddej bil-prattika privata.
Fil-Qorti instema’ kif l-artiklu kien ibbażat fuq plakka li kienet imwaħħla ma’ faċċata ta’ spiżerija fir-Rabat Għawdex. Plakka li fuqha kellha l-ismijiet tat-tobba li jpoġġu f’din il-klinika u fuqha kien hemm isem l-oftalmologu Franco Mercieca.
Fil-Qorti nstemgħet ix-xhieda li fost oħrajn kienet tinkludi dik ta’ sid l-ispiżerija li kkonferma li Mercieca kien waqaf jagħti s-servizz tiegħu fi żmien imsemmi fl-artiklu. Il-Qorti kkonkludiet li l-gazzetta kellha tagħmel aktar investigazzjoni qabel tasal tippubblika dawn il-konklużjonijiet
Għalhekk, is-sentenza tal-ewwel Qorti ġiet ikkonfermat mill-Imħallef li qal li mhuwiex sew li persuna tiġi attakkata mingħajr ebda bażi u għal skop politiku. Il-gazzetta Mument ġiet ordnata tħallas danni ta’ €5,000 lit-tabib Mercieca.