B’kollox il-multi imposti fuq min inqabad b’pussess sempliċi jammontaw għal €80,000, li minnhom diġa inġabru €45,000. Minn dawn il-flus ingħataw €15,000 lill-Caritas, Oasi u lis-Sedqa, kull wieħed. Dan il-proċess se jkompli jirrepeti ruħu kull darba li jinġabru iktar fondi mill-multi.
Minn Settembru 2015, meta bdew jinstemgħu il-kawżi quddiem it-Tribunal, immexxi mill-kummissarju tal-Ġustizzja Vicky Scicluna, sa’ Marzu 2017, instemgħu 1,045 każ ta’ persuni b’ pussess sempliċi tad-droga għall-użu personali. Minnhom 176 minnhom kienu persuni barranin u 880 kienu residenti Maltin.
Minn dawn il-persuni, 32 reġgħu inqabdu għat-tieni darba u għalhekk kienu riferuti lill-Board tar-rijabilitazzjoni tad-droga, immexxi mill-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello. Dawn il-każijiet, hekk kif titlob ir-riforma, jibqgħu ikunu segwiti mill-professjonisti fuq livell individwali.
Fil-15 t’April, ir-riforma fil-liġi tal-pussess sempliċi tad-droga tagħlaq sentejn minn mindu daħlet fis-seħħ.
Ir-riforma fil-liġi qalbet il-folja imma ma jfissirx li ssolvew il-problemi kollha qal il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, li sostna li fejn hemm bżonn isir titjib dawn se jsir. Jeħtieġ iktar riformi speċjalment fejn jidħol il-pussess tal-kannabis qal il-Ministru. Madanakollu stqarr li huwa kuntent li din il-bidla radikali intlaqgħet sew mis-soċjeta.
Is-segretarju Parlamentari Stefan Buontempo saħaq li filwaqt li ngħadru lil min hu vittma tal-abbuż tad-droga, ir-riforma tat lil gvern il-possibilita li tissaħħaħ l-id kontra min qed jittraffika d-drogi. Fil-lokalitajiet Maltin se jissoktaw proġetti li jżommu liż-żgħażagħ mill-vizzji l-ħżiena, qal Buontempo, u opportunitajiet ta’ taħriġ edukattivi- ilkoll iniżjattivi li jevitaw li iktar persuni jispiċċaw fi problemi li jistgħu iwasslu għall-użu tad-droga.