Sabina Pace, omm Maxine Pace, kantanta magħrufa f’pajjiżna tilfet il-battalja kontra l-kanċer. Ftit tal-jiem ilu, rajna lil Maxine u lil oħtha jwieġbu t-telefonati waqt ġbir ta’ fondi għal Puttinu. Din l-aħbar kienet waħda ta’ xokk għal bosta, fil-fatt kienu mijiet li kellhom kliem mill-isbaħ għal din l-omm u kliem ta’ kuraġġ għall-familjari tagħha.
Jispikka l-kuraġġ ta’ żewġ ulieda li minkejja li ommhom kienet għaddejja minn żmien diffiċli xorta waħda taw l-id ta’ għajnuna lil dawk il-persuni li ukoll għaddejjin mill-istess żmien.
Fuq il-profil ta’ facebook ta’ Sabina, wieħed malajr jintebaħ li matul din il-battalja din l-omm sabet ħafna persuni li jagħtuha l-kuraġġ, iżda “Il-Mulej għażel fjura sabiħa ħafna.”
Maxine kitbet fuq il-profil tagħha ta’ facebook u stqarret li tilfet waħda mill-aktar tliet persuni importanti f’ħajjitha, “waħda mill-isbaħ u l-aktar nisa kuraġġużi li taf.” Hija stqarret li ma setgħetx temmen li ommha kienet se tħalli din id-dinja fi żmien daqshekk qasir.
“Mama inti kollox għalija, l-unika persuna li kont ngħidilha kollox, l-aqwa ħabiba tiegħi, il-motivazzjoni, l-ispirazzjoni u l-iktar mara li dejjem uritni sapport.”
Hija temmet il-messaġġ ta’ dieqa tagħha tgħid li issa ommha saret l-anġlu kustodju tagħha għal ħajjitha kollha.