Il-MPE Laburisti nnominaw flimkien lill-organizzazzjoni mhux governattiva ambjentali ACT għall-Premju taċ-Ċittadini Ewropej 2021. Kull sena, il-Parlament Ewropew jirrikonoxxi individwi u organizzazzjonijiet għall-kontribut eċċellenti tagħhom lis-soċjetà.
Il-MPE Alfred Sant, Alex Agius Saliba, Josianne Cutajar u Cyrus Engerer innominaw lill-ACT bħala rikonoxximent għall-isforzi tagħha li huma ta’ ispirazzjoni lejn is-sostenibbiltà ambjentali. Imwaqqfa fl-2018 minn grupp ta’ żgħażagħ, għandha l-għan li timplimenta bidla pożittiva billi tiżviluppa u tapplika soluzzjonijiet għad-degradazzjoni ambjentali, filwaqt li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja.
ACT tiffoka fuq il-konservazzjoni u t-tiġdid tal-pajsaġġ ekoloġiku Malti billi terġa’ tistabbilixxi u tippromwovi l-ispeċi tal-flora li huma indiġeni fil-ħabitat rispettiv tagħhom biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali fit-tul.
Din l-organizzazzjoni temmen li l-konservazzjoni ta’ l-ispeċi ta’ flora li huma indiġeni hija ta’ mportanza kbira fl-isforzi tagħna biex nindirizzaw it-tibdil fil-klima. Siġar u arbuxelli indiġeni għandhom karatteristiċi ġenetiċi uniċi li jagħmluhom kompatibbli mal-kundizzjonijiet lokali u għalhekk ghandhom aktar probabblibiltà li jadattaw għal kundizzjonijiet klimatiċi li jinbidlu malajr. Għalhekk, il-konservazzjoni tagħhom tista’ tkun essenzjali biex jiġi żgurat it-tiġdid ambjentali fit-tul b’mod sostennibli.
ACT irnexxiela tkattar b’suċċess iktar minn 40 speċi differenti u waqt li għamlet dan, irnexxiela tikkonserva speċi ta’ flora indiġeni li kienu f’riskju kbir li jiġu estinti.
Dan il-fattur jista’ jkun ta’ mportanza kbira fil-kontribuzzjoni ta’ Malta lejn il-Patt Ekoloġiku Ewropew peress li l-protezzjoni tal-flora indiġena Ewropea tista’ tkun fundamentali fl-indirizzar tal-bidla fil-klima b’mod sostenibbli. Il-protezzjoni tal-bijodiversità hija parti integrali mill-Patt Ekoloġiku Ewropew.