Il-MPE Alex Agius Saliba jrid jgħin lir-riċerkaturi Ewropej jintroduċu terapiji psikomedeliċi ġodda biex jgħinu lill-pazjenti u l-kundizzjonijiet tas-saħħa mentali.
“Trattamenti psikomedeliċi ġodda jwiegħdu li joffru għażla terapewtika ġdida għall-pazjenti, u fis-snin li ġejjin, iċ-ċittadini tagħna jistgħu jkunu eliġibbli għal preskrizzjoni ta’ terapija assistita psikedelika,” qal il-MPE Agius Saliba waqt konferenza fi Brussell.
Il-Konferenza organizzata mill-MPE Alex Agius Saliba, Parea u l-European Brain Council, kienet l-ewwel waħda fil-Parlament Ewropew iffokata fuq l-użu ta’ terapiji assistiti psikedeliċi fit-trattament ta’ disturbi fil-moħħ. Matul l-avveniment, riċerkaturi Ewropej ewlenin iddiskutew l-applikazzjoni tal-mediċini psikomedeliċi f’diversi disturbi fil-moħħ u azzjonijiet li jeħtieġ li jittieħdu fuq livell Ewropew.
“Il-progress xjentifiku reċenti dwar l-użu ta’ komposti psikoloġiċi fil-kura tal-kundizzjonijiet tas-saħħa mentali huwa inkoraġġanti, u nemmen li flimkien ma’ appoġġ psikosoċjali xieraq, għandu l-potenzjal li jipprovdi titjib kliniku sikur, b’azzjoni rapida, b’effetti dejjiema. Il-Kummissjoni Ewropea jeħtieġ li tinkludi l-qasam ta’ trattamenti psikomedeliċi ġodda fl-aġenda tas-saħħa mentali usa’,” qal il-MPE Agius Saliba matul il-konferenza.
Bħala l-Ko-President tal-Alleanza tal-Membri Parlamentari Ewropej għas-Saħħa Mentali, il-MPE Agius Saliba wettaq ħidma attiva fuq is-sensibilizzazzjoni dwar is-Saħħa Mentali, b’appell lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħti prijorità lis-saħħa mentali, u tiżviluppa strateġija Ewropea komprensiva dwar is-Saħħa Mentali.
Matul il-Konferenza, il-MPE Agius Saliba ddikjara li saħħa mentali tajba ma tibdiex fil-kmamar tat-trattament jew fl-isptarijiet, imma fil-postijiet tax-xogħol, fl-iskejjel u fil-komunitajiet tagħna, u li kulħadd għandu rwol x’jaqdi. Huwa kkummenta li s-soluzzjonijiet politiċi u prattiċi jeħtieġ li jiġu identifikati u indirizzati biex jiġi żgurat li l-problemi tas-saħħa mentali jiġu dijanjostikati, ikkontrollati u ttrattati aħjar.
Il-MPE Agius Saliba temm jispjega kif it-terapiji assistiti psikedeliċi jistgħu jipprovdu aktar għażliet u trattamenti għal persuni b’mard mentali. Huwa nnota wkoll li diversi pajjiżi diġà bdew id-diskussjoni dwar dawn it-terapiji, u għalhekk l-Ewropa teħtieġ valutazzjoni bbażata fuq l-evidenza tas-sitwazzjoni attwali fil-qasam tax-xjenza psikedelika biex tinforma aktar azzjonijiet meħtieġa fil-livell tal-Unjoni Ewropea.