Fl-ewwel laqgħa tal-Alleanza tal-Kannabis Mediċinali tal-Parlament Ewropew li ttellgħet ilbieraħ ġew indirizzaw il-ħtiġijiet tal-pazjenti u l-ideat komuni dwar l-iżvilupp ta’ politiki bbażati fuq l-evidenza għal kwalità għolja u aċċess ġust għat-trattamenti tal-kannabis mediċinali.
Il-MPE Alex Agius Saliba, wieħed mill-inizjaturi ta’ din l-inizjattiva, mexxa l-ewwel laqgħa u ppreżenta l-miriġenerali tal-Alleanza, filwaqt li enfasizza li l-istigmatizzazzjoni ta’ pazjenti li għandhom bżonn jużaw il-kannabis mediċinali għadha prevalenti f’xi Stati Membri u qal li hemm bżonn li din il-kwistjoni tiġi indirizzata b’mod urġenti bħala l-ewwel prijorità, kemm fuq livell Ewropew u kif ukoll fuq livell tal-Istati Membri.
Qal kif bħala l-leġiżlaturi, irridu nimbuttaw sabiex ikollna definizzjoni legali tal-kannabis mediċinali sabiex niddistingwuha b’mod ċar minn użi oħra.
Il-Membri Parlamentari ddiskutew azzjonijiet ta’ prijorità bl-għan li jingħelbu l-isfidi regolatorji u ta’ riċerka eżistenti.
Dawn l-azzjonijiet jistgħu, bi prijorità, jidentifikaw u jiddiskutu soluzzjonijiet leġiżlattivi għall-iffaċilitar tat-tqegħid ta’ prodotti sikuri tal-kannabis mediċinali fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jiżguraw standards armonizzati, filwaqt li jiggarantixxu l-aċċess ġust għall-pazjent u l-kopertura mill-iskemi tal-assigurazzjoni tas-saħħa.
Spjega kif fuq livell ta’ Parlament Ewropew, għandna wkoll nimbuttaw għall-istandardizzazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali dwar l-aċċess għall-kannabis mediċinali. Qal kif il-benefiċċji tal-kannabis mediċinali issa huma rikonoxxuti sew u stabbiliti fi ħdan il-komunità xjentifika u medika fejn madankollu, ir-realtà frammentata fi ħdan l-Unjoni Ewropea qed tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ostakli strutturali ta’ diskriminazzjoni u ta’ aċċess biex wieħed igawdi minn wieħed mid-drittijiet bażiċi tal-bniedem, id-dritt għas-saħħa.
Temm billi qal li għalhekk, għandna nkunu l-vuċi tal-pazjenti direttament.