“Turning the Tide: How to Drive Climate Resilience in Coastal and Maritime Infrastructure” kienet it-tema ta’ diskussjoni ta’ livell għoli li ospitat il-MPE Josianne Cutajar fil-Parlament Ewropew, bħala Viċi President fl-Intergrupp għall-gżejjer u żoni kostali SEArica.
Il-MPE Cutajar saħqet li hemm bżonn nsaħħu l-isforzi tagħna ta’ reżiljenza għat-tibdil fil-klima biex niżguraw li l-komunitajiet vulnerabbli u żvantaġġjati, inkluż fil-gżejjer u ż-żoni kostali tagħna, ikunu lesti u jadattaw għall-isfidi li ġabet magħha l-bidla fil-klima, filwaqt li enfasizzat l-importanza li dan il-qasam jinżamm bħala prjijorita’ politika u edukattiva.
Dr Josianne Cutajar enfasizzat ukoll li “r-reġjuni kostali u marittimi tagħna jinsabu fuq quddiem nett tal-kriżi klimatika. Is-sajf li għadda, Malta u Għawdex ukoll esperjenzaw waħda mill-aktar mewġiet ta’ sħana qawwija fl-istorja tagħna, xi ħaġa li turi l-vulnerabbiltà tagħna wkoll, u l-ħtieġa li tkompli tissaħħaħ l-infrastruttura biex tkun tiflaħ biżżejjed għal era ta’ estremi klimatiċi.”
Din id-diskussjoni ta’ livell għoli, appoġġata mill-Konferenza tar-Reġjuni Marittimi u Periferali, laqqgħet flimkien lil persuni ewlenin li jfasslu politika settorjali u reġjonali, esperti tal-industrija u tal-politika Ewropea, u partijiet interessati oħra biex jirriflettu dwar il-ħidma li qed issir f’dan ir-rigward mill-Unjoni Ewropea nnifisha, kif ukoll fir-reġjuni kostali u l-gżejjer tagħha. Barra minn hekk, ġew diskussi wkoll l-passi li jmiss għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ mitigazzjoni u adattazzjoni għall-effetti tal-klima, b’enfasi fuq l-infrastruttura marittima. Kathiana Bonello Ghio, għan-nom tar-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, spjegat ukoll dak li qed isir mill-Gvern Malti f’dan il-qasam, fosthom it-twaqqif tal-Awtorita’ għall-Azzjoni dwar il-Klima.
Il-MPE Josianne Cutajar enfasizzat ukoll l-importanza ta’ tranżizzjoni sostennibli effettiva, li tkun infurmata mid-data, fejn in-negozji żgħar tagħna jinżammu fiċ-ċentru, u fejn ħadd ma jitħalla jaqa’ lura. Saħqet ukoll l-irwol kritiku li l-Unjoni Ewropea għandu jkollha biex tiżgura li r-reġjuni l-aktar vulnerabbli u żvantaġġati, bħall-gżejjer, jingħataw aktar appoġġ, imma wkoll flessibbiltà biex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni tirnexxi; punt li Dr Cutajar enfasizzat bis-sħiħ matul dan il-mandat inkluż fir-Rapport dwar il-Gżejjer li nnegozjat.