Il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar irrappreżentat lill-Parlament Ewropew, bħala parti minn delegazzjoni tal-kumitat ITRE li żaret Milan. Id-delegazzjoni kellha diversi laqgħat ma’ kumpaniji rinomati fil-qasam tal-enerġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni.
Matul il-ħidma tagħhom f’Milan, il-Membri Parlamentari Ewropej żaru wkoll impjant idroelettriku li jmur lura għall-bidu tas-snin 1900, kif ukoll l-Arena del Futuro fejn kellhom l-opportunità li jaraw b’mod dirett kif il-vetturi elettriċi jistgħu jiġu iċċarġjati bl-użu ta’ enerġija rinnovabbli waqt li jkunu misjuqa, mingħajr il-bżonn li jieqfu apposta.
Fil-kummenti tagħha dwar din iż-żjara, Dr Cutajar iddikjarat li l-innovazzjoni u l-enerġija rinnovabbli, flimkien mad-diġitalizzazzjoni, huma t-triq ‘il quddiem. “Irridu niżguraw li n-negozji tagħna, inkluż dawk li huma bbażati fi gżejjer bħal Malta u Għawdex, jirċievu l-appoġġ finanzjarju u tekniku meħtieġ biex ikunu fuq quddiem nett tal-qalbiet ambjentali u diġitali li rridu nagħmlu.”
Hija kompliet billi enfasizzat li l-programmi Ewropej, kif ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiċi, huma essenzjali biex jiġi żgurat li jiġu implimentati teknoloġiji u soluzzjonijiet diġitali ġodda biex jiġu ffaċilitati d-diversi proċessi fil-qasam tal-enerġija, bħall-produzzjoni, id-dispaċċ, il-ħażna u enerġija aktar nadifa.
Il-MPE Cutajar ikkonkludiet billi ddikjarat li minbarra l-inċentivi finanzjarji, huwa essenjzali li n-negozji jingħataw appoġġ adegwat għat-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema tagħhom, b’enfasi fuq l-oqsma relatati mas-setturi STEM u l-opportunitajiet offruta mit-tranżizzjoni diġitali u ambjentali, filwaqt li tiġi żgurata li din it-tranżizzjoni tkun soċjalment ġusta għal kulħadd.