L-Unjoni Ewropea qed tibgħat sinjali importanti b’kampanji ta’ vaċċinazzjoni b’saħħithom u anke t-tħejjijiet għaċ-ċertifikati tal-Covid diġitali. “Ladarba din is-sistema tkun f’postha huwa importanti li niffukaw fuq kif ser nagħtu spinta lit-turiżmu fuq livell Internazzjoni”.
Stqarret dan il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar waqt li kienet qed tindirizza konferenza tal-Global Tourism Forum f’Bodrum it-Turkija.
Fi stqarrija ġie spjegat kif l-MPE Maltija tenniet li hemm ir-rieda min-naħa tal-Unjoni Ewropea li propju dan isir u l-fatt li bdew it-taħdidiet ma’ pajjiżi terzi huwa xhieda ta’ dan.
Dr Cutajar saħqet li t-trasport huwa l-għodda li jgħaqqad mhux biss il-pajjiżi iżda anke kulturi ma’ oħrajn, u għaldaqstant huwa t-trasport li jagħmel possibli n-numru kbir ta’ ċaqlieq ta’ turisti li jmorru minn pajjiż għal ieħor. “In-nies jixtiequ jsiefru, jitgħallmu u jiltaqgħu ma’ kulturi oħrajn u allura xogħolna huwa li nagħtuhom bizzejjed kunfidenza u serħan il-moħħ sabiex jagħmlu dan b’mod sigur”, qalet Dr Cutajar.
Cutajar spjegat ukoll kif huwa importanti li nżidu l-kunfidenza tat-turist u ta’ min jivvjaġġa, u f’dan ir-rigward bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex jidħol fis-seħħ “Safety Seal” Ewropew, biex dan l-għan ikun jista’ jintlaħaq b’mod effiċjenti,
Dr Cutajar tkellmet ukoll dwar l-importanza li aħna u nirkupraw mill-pandemija, nżommu fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna prinċipji fundamentali li jinkludu l-qalbiet ambjentali u teknoloġiċi li rridu nagħmlu u wkoll l-aspett ta’ konnettivita’.
Dwar il-konnettivita’, Dr Josianne Cutajar saħqet li trid issir ħidma kontinwa sabiex ikun hemm mezzi tat-trasport effiċjenti u affordabbli. “Bħala persuna li ġejja minn gżira, propju minn Għawdex, naf xi jfisser li taqbad diversi mezzi tat-trasport u tqatta’ ħin twil tivvjaġġa sabiex tmur għax-xogħol jew biex tilħaq iċ-ċentru tal-Ewropa.”
Fil-kuntest ta’ dan kollu hi għalqet b’appell sabiex pajjiżi bħal Malta, u anke dawk li huma viċin il-kosta, jagħmlu użu aħjar mit-trasport bil-baħar. Fl-aħħar nett, hi semmiet ukoll il-ħidma tal-Gvern Malti f’dan il-qasam, bl-introduzzjoni riċenti tal-fast ferry, li żiedet fl-alternattivi tat-trasport bil-baħar kemm għall-persuni tal-lokal u kif ukoll għat-turisti.