Il-MPE Josianne Cutajar kompliet bl-impenn tagħha favur politika aktar sensittiva għar-realtajiet tal-gżejjer tagħna f’dibattitu organizzat mill-Kumitat tar-Reġjuni bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Ibliet fi Brussell.
Fid-dibattitu ġew diskussi l-passi li jmiss wara r-Rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-Gżejjer, rapport li l-MPE Cutajar ikkontribwixxiet għalih b’mod dirett bħala n-negozjatriċi għan-nom tas-Soċjalisti. Dr Cutajar qalet li filwaqt li r-Rapport diġà jirrikonoxxi li l-gżejjer jinsabu fuq quddiem nett tat-tibdil fil-klima, il-mewġiet ta’ sħana estrema, in-nirien u l-għargħar li seħħew madwar il-Mediterran ftit ġimgħat biss ilu, huma tfakkira urġenti tal-ħtieġa li naġixxu aktar malajr, mhux biss biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, iżda wkoll biex insaħħu r-reżiljenza tal-infrastruttura. “Hemm bżonn li niżguraw li l-infrastruttura tagħna fil-qasam tat-trasport, l-enerġija, u lil hinn, tkun addattata għar-realtajiet tat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali li qed iseħħu”, enfasizzat Josianne Cutajar.
Fid-dibattitu, il-MPE Cutajar enfasizzat għal darb’oħra li l-gżejjer ma jistgħux jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom b’politika ta’ “one size fits all”. Dan il-punt tkellmet dwaru mhux biss b’referenza għar-Rapport dwar il-Gżejjer, iżda wkoll fir-rigward tal-ħidma ma taqta’xejn tagħha sabiex tiġi assigurata konnettività kompetittiva u affordabbli bl-ajru u bil-baħar għal dawk ġejjin minn gżejjer bħal tagħna. Dr Cutajar saħqet li għalkemm għad fadal ħafna xi jsir sakemm tinkiseb l-integrazzjoni effettiva tal-gżejjer fi ħdan il-politika u l-liġijiet tal-UE, hija xtaqet tirreferi għal eżempju wieħed ta’ suċċess fil-pakkett leġiżlattiv “Fit for 55”, speċifikament il-liġi dwar il-Fjuwils Marittimi Sostenibbli (“FuelEU Maritime”). F’din l-istanza filwaqt li hemm miri li jassigwuraw li l-pajjiżi tal-UE kollha jilħqu l-istess għan ta’ newtralità karbonika, għall-vapuri tal-passiġġieri li jservu portijiet ta’ gżejjer b’inqas minn 200,000 abitant, se jkun hemm aktar żmien sabiex jiġu implimentati l-obbligi. Dan a bażi tar-rikonoxximent tal-fatt li għal gżejjer żgħar bħal Għawdex, il-konnessjonijiet bil-baħar huma vitali.
Dr Cutajar irrimarkat kif l-istess prinċipju għandu japplika fir-rigward tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, fejn f’mistoqsija parlamentari lill-Kummissjoni Ewropea hija insistiet fuq l-importanza li l-limitu de minimis ikun aġġustat b’tali mod li jqis l-ispejjeż addizzjonali li l-gżejjer iġarrbu fejn tidħol il-materja prima, it-trasport u x-xogħol, punt li ġie diskuss ukoll f’laqgħa li Josianne Cutajar kellha ma’ rappreżentanti mill-Kamra tan-Negozju ta’ Għawdex u l-INSULEUR.
Il-MPE Cutajar qablet bis-sħiħ ukoll mas-sejħa għat-twaqqif ta’ task force interistituzzjonali ffukat fuq il-gżejjer, li jista’ verament jgħin fl-għan li tinkiseb l-integrazzjoni tal-gżejjer permezz ta’ skrutinju konġunt tal-proposti leġislattivi u non-leġislattivi tal-UE minn perspettiva insulari. “Il-gżejjer għandhom karatteristiċi u ħtiġijiet uniċi li għandhom jiġu rikonoxxuti u prijoritizzati aħjar mill-istituzzjonijiet tal-UE. Intant, il-gżejjer tagħna jeħtieġ li jiġu megħjuna mhux biss biex jegħlbu l-isfidi u l-iżvantaġġi tagħhom, iżda, aktar minn hekk, biex jirnexxu u jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom”, ikkonkludiet il-MPE.