Il-MPE Josianne Cutajar għal darb’oħra ġiet fdata b’ħidma diġitali importanti f’isem is-Soċjalisti, hekk kif ġiet appuntata bħala n-negozjatriċi ewlenija b’rabta mar-Regolament dwar is-servizzi tas-sigurtà ġestiti (‘Managed Security Services’) fil-Kumitat ITRE. Din il-ħatra ssegwi ħidma diġitali oħra mwettqa minn Cutajar, inkluż dik dwar id-Deċennju Diġitali u l-liġijiet il-ġodda dwar id-data u l-intelliġenza artifiċjali.
B’rabta mal-ħatra l-ġdida, il-MPE Josianne Cutajar enfasizzat l-importanza ta’ din il-liġi li se twassal għall-adozzjoni ta’ skemi Ewropej taċ-ċertifikazzjoni tas-servizzi taċ-ċibersigurtà li jiżguraw li l-intrapriżi jkunu dejjem aġġornati u protetti. “Id-diġitalizzazzjoni mhijiex biss meħtieġa u ta’ benefiċċju għas-soċjetà tagħna, iżda wkoll fenomenu li qed jikber li, mingħajr salvagwardji xierqa, iħalli ħafna servizzi u kumpaniji esposti għas-‘cyber crimes’” qalet il-MPE. “Dan huwa partikolarment rilevanti għall-gvernijiet u n-negozji, bi bżonn li inrawmu xenarju diġitali aktar inklussiv” kompliet Josianne Cutajar.
Dr Cutajar saħqet li s-servizzi li jiżguraw konnessjonijiet siguri u skambji ta’ data għandhom ikunu aktar aċċessibbli għall-Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju (SMEs) li m’għandhomx ħiliet diġitali u r-riżorsi biex jinvestu b’mod adegwat f’miżuri ta’ protezzjoni. Hija enfasizzat ukoll l-importanza tar-riżorsi umani u l-ħiliet meħtieġa, li għandhom jiġu żviluppati aħjar permezz ta’ ‘partnerships’, investiment fl-edukazzjoni, u kurrikulu adegwat.
Il-MPE Josianne Cutajar kellha wkoll diskussjonijiet varji dwar dan il-qasam waqt żjara f’Iżrael il-ġimgħa li għaddiet, żjara li ipparteċipat fiha bħala parti minn delegazzjoni tal-‘European Internet Forum’. Matul din iż-żjara, id-delegazzjoni mill-Parlament Ewropew iltaqgħet ma’ diversi kumpaniji diġitali magħrufa, ‘startups’, aġenziji governattivi u rappreżentanti mill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija f’Tel Aviv, fost l-oħrajn.
F’kumment relatat ma’ din iż-żjara u l-irwol il-ġdid tagħha bħala n-negozjatriċi ta’ din il-liġi, Dr Cutajar enfasizzat l-importanza ta’ kollaborazzjoni f’dan il-qasam, kif ukoll l-qsim ta’ prattiċi tajbin fil-qasam tat-teknoloġija u l-innovazzjoni, inkluż fejn jidħlu ‘cross-border digital threats’.
“Fl-aħħar mill-aħħar, huwa kruċjali li nifhmu li s-‘cybersecurity’ hi importanti mhux biss għall-gvernijiet u l-kumpaniji, iżda wkoll għalina lkoll fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Riċentament rajna eżempji evidenti ta’ dan f’pajjiżna stess, b’żieda notevoli ta’ ‘online scams’ immirati lejn klijenti bankarji u studenti b’rabta mal-eżamijiet tal-O-levels,” ikkonkludiet Josianne Cutajar.