Il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba nħatar President tal-Forum dwar is-Saħħa tas-Smigħ tal-Unjoni Ewropea. Waqt li ppresieda l-ewwel laqgħa tal-Forum mal-partijiet interessati ewlenin mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-pazjenti, il-komunità xjentifika u medika u kif ukoll mill-industrija, il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista enfasizza dwar l-importanza li l-Unjoni jkollha strateġija u pjan ta’ azzjoni adekwati għall-għarfien dwar id-diżabilità tan-nuqqas tas-smigħ fil-livell tal-Unjoni Ewropea u f’dak nazzjonali matul dan il-mandat parlamentari.
“Nixtieq nenfasizza kif il-COVID-19 affettwa bil-kbir il-ħajja ta’ persuni b’diżabilità u b’mod speċjali, dwar l-impatt li ħalliet fuq in-nies nieqsa mis-smigħ. Dawn il-persuni spiss jiffaċċjaw in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ kwalità, dħul insuffiċjenti ta’ informazzjoni f’waqtha, kapaċità mnaqqsa biex jinkisbu l-għarfien, il-ħiliet u l-abbiltajiet, u kif ukoll bil-problema ta’ komunikazzjoni limitata. Dan iż-żmien ta’ reklużjoni wera li r-rwol tal-interpreti tal-lingwa tas-sinjali huwa kruċjali, peress li ħafna nies b’telf ta’ smigħ jgħixu waħedhom u iżolati, u jeħtieġu dawn il-professjonisti sabiex jgħixu l-ħajja bażika tagħhom”, qal il-MPE Agius Saliba fid-diskors tal-ftuħ tiegħu waqt li ndirizza lill-Forum.
Barra minn hekk, huwa enfasizza fuq l-importanza ta’ identifikazzjoni bikrija flimkien ma’ intervent bikri għat-tfal, filwaqt li saħaq li dan jista’ potenzjalment iwassal għal aċċess aħjar għall-edukazzjoni għal tfal neqsin mis-smigħ, għal anqas piż fuq is-sistema edukattiva nnifisha u fl-aħħar mill-aħħar għal kwalità ta’ ħajja aħjar għat-tfal u għall-familji tagħhom.
Diversi studji wrew li t-telf tas-smigħ iżid ir-riskju ta’ iżolament soċjali, tnaqqis konjittiv u dimenzja. Studji oħra wrew li telf ta’ smigħ mhux trattat jista’ jikkawża s-solitudni u jista’ jwassal ukoll għal produzzjoni eċċessiva ta’ kortisol, li tista’ żżid il-pressjoni u l-livelli taz-zokkor fid-demm u tista’ wkoll tfixkel is-sistema immunitarja tal-ġisem u għalhekk possibilment twassal għal problemi oħra ta’ saħħa.
“Qed jintnefqu ħafna flus biex intejbu l-kwalità tal-ħajja għal nies bid-dimenzja jew bid-dijabete; għaliex ma ninvestux fil-prevenzjoni ta’ bidu ta’ mard ieħor, bħat-telf tas-smigħ? L-intervent bikri għandu rwol sinifikanti fil-prevenzjoni tal-bidu ta’ mard ieħor,” temm jghid l-MPE Agius Saliba.