B’reazzjoni għall-proposti tant mistennija tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Atti dwar is-Servizzi Diġitali u s-Swieq Diġitali, il-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba qal li ż-żewġ proposti għandhom rwol ewlieni fid-determinazzjoni li l-immassimizzar tal-profitti enormi ta’ ġganti teknoloġiċi, ma jkunux prioritizzati fuq il-bżonn li jkollna spazju diġitali aktar sikur għall-utenti kollha, fejn id-drittijiet fundamentali u l-interessi pubbliċi, id-drittijiet tal-utenti u tal-konsumaturi huma protetti online.
Alex Agius Saliba, li huwa n-negozjatur tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fuq ir-rapport dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali li ġie mħejji fil-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar is-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, laqa’ l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar dawn iż-żewġ Atti. Huwa sostna li din ir-riforma ta’ regoli li ilhom fis-seħħ għal madwar għoxrin sena ilha ferm mistennija u bżonjuża, għaliex dawn m’għadhomx adattati għaż-żminijiet tal-lum. Huwa żied jgħid li m’għandu l-ebda dubju li dawn iż-żewġ proposti ser ikunu strumentali għall-Ewropa u l-futur diġitali tad-dinja.
Filwaqt li rrikonoxxa li l-pjattaformi online saru indispensabbli f’ħajjitna, il-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba nnota li matul is-snin dawn kisbu poteri bla preċedent, li bis-saħħa tagħhom qegħdin jistabbilixxu r-regoli għalihom infushom. Huwa qal li dan qed joħloq ambjent diġitali adattat għall-interessi personali tagħhom, filwaqt li żied jgħid li l-kumpaniji diġitali kbar użaw is-setgħat tagħhom għas-sorveljanza tal-utenti, u qed jiddeċiedu dwar dak li nistgħu ngħidu, naqraw, naraw u nixtru online. Agius Saliba qal li sal-lum, il-konsumaturi ġew esposti għal qerq jew prodotti difettużi mingħajr ebda protezzjoni legali online.
“Il-Kummissjoni ħadet ħafna mir-rakkomandazzjonijiet li pproponejna u adottajna fir-rapporti tal-Parlament. Pereżempju, dawn il-proposti qed jintroduċu bosta prinċipji, fosthom li dak li huwa illegali offlajn għandu jkun illegali online, li wieħed għandu jkun jaf lill-klijent tan-negozju tiegħu, l-estraterritorjalità tal-kamp ta’ applikazzjoni, miżuri ta’ trasparenza fuq firxa wiesgħa inkluż dwar ir-reklamar online u dwar l-algoritmi użati biex jiġi rakkomandat kontenut lill-utenti, u kif ukoll dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-postijiet tas-suq onlajn u l-protezzjoni tal-konsumatur,” qal il-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba.
Huwa nnota kif il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll regoli dettaljati biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi attwali bi pjattaformi online kbar bħalma huma Google, Amazon, u Facebook, u d-dritt tal-Kummissjoni li timponi multi u rimedji strutturali jekk dawn ir-regoli jinkisru. Fil-fehma tal-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba, dan huwa pass sinifikanti biex jintlaħaq l-għan li jkun hemm suq uniku diġitali aktar ġust u li jagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji ż-żgħar biex jikbru.
Fir-rimarki konklużivi tiegħu, il-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba madankollu tkellem dwar it-tħassib tiegħu marbut mal-fatt li wħud mill-miżuri proposti huma anqas ambizzjużi minn dawk proponuti mill-Parlament Ewropew. “Għalija, il-punt ta’ referenza u l-livell ta’ ambizzjoni se jkunu l-pożizzjoni adottata fir-Rapporti tagħna fil-Parlament Ewropew. In-nies għandhom jingħataw prijorità fuq il-massimizzazzjoni tal-profitti ta’ ġganti teknoloġiċi kbar, u għal dan il-għan neħtieġu regoli ċari u effettivi biex jiġi indirizzat l-iżbilanċ tas-suq diġitali.”