Il-MPE Alex Agius Saliba talab lid-Direttur għall-Affarijiet tal-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) biex tinvestiga jekk obbligu kuntrattwali impost minn EPIC Communications Ltd huwiex konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.
Il-klawżola 3.1.9 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali ta’ EPIC għall-kuntratti tat-telefowns ċellulari tobbliga lill-klijenti jħallsu ammonti addizzjonali lil hinn mit-tariffi kuntrattwali miftiehma ibbażati fuq ir-rata tal-inflazzjoni. L-istess klawżola teżenta lill-EPIC mid-dispożizzjonijiet ta’ Direttiva tal-Unjoni Ewropea li, f’każijiet bħal dawn, tippermetti lill-klijenti jitolbu terminazzjoni bikrija tal-kuntratt tagħhom mingħajr ħlas żejjed.
Il-MPE Laburista qal “Jien konxju li l-ġurisprudenza stabbilita ddeterminat li tali żidiet huma permessi, madankollu tlabt rieżami amministrattiv dwar il-possibbilta’ ta’ ksur tal-liġi tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari minħabba bidliet fiċ-ċirkostanzi. Jekk jirriżulta li l-prattiki adottati huma legali, tlabt lill-MCCAA tikkunsidra modi oħra biex tipproteġi lill-konsumaturi minn żidiet qawwija fil-prezzijiet.”
Agius Saliba spjega li l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi jipproteġi speċifikament lill-konsumaturi. L-Artikolu 105(4) tad-Direttiva 2018/1972 tal-UE jistipula li l-abbonati għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni huma intitolati għal kuntratt li jindika t-termini tas-servizzi tagħhom inklużi l-pagamenti dovuti, u li l-abbonati huma intitolati li jirtiraw mill-kuntratt mingħajr penali kull meta t-termini tas-servizz jiġu modifikati. Huwa qal li jidher li l-kumpanija EPIC qed tieħu vantaġġ mill-każistika tal-UE, speċifikament il-kawża Verein fur Konsumenteninformatioin vs A1 Telekom Austria AG (ECLI:EU:C:2015:782) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ddeċidiet li ż-żidiet fit-tariffi f’konformità ma’ mekkaniżmu ta’ inflazzjoni uffiċjali ma jikkostitwixxux modifika tal-kuntratt. Għalhekk, il-konsumaturi mhumiex intitolati għal terminazzjoni bikrija tal-kuntratt.
Ir-riċerka tal-MPE turi li l-EPIC mhijiex l-unika kumpanija li timponi tali klawżola. Jidher li l-kumpaniji tal-komunikazzjoni lokali reċentement kienu qed jintroduċu klawżoli simili f’tentattiv biex jipproteġu l-marġnijiet tal-profitt tagħhom mill-impatt tal-inflazzjoni. Iż-żidiet fit-tariffi skont l-indiċi tal-inflazzjoni għandhom jinkludu kwalunkwe nefqa operazzjonali supplimentari u żvilupp infrastrutturali għas-servizz li qed jiġi pprovdut lill-utent. Għalkemm jeżisti tħassib minħabba d-differenza apparenti bejn il-kwalità tas-servizz irreklamat u mwiegħed minn dawn il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni, u t-twassil tanġibbli tas-servizz esperjenzat mill-utenti finali. Dan jinkludi, iżda mhuwiex limitat għal, bandwith u t-throughput, il-konġestjoni tan-netwerk, is-sigurtà tad-data tal-klijenti, l-interruzzjoni tal-ħin ta’ qtugħ u tas-servizz eċċ. Dan iqajjem mistoqsijiet dwar jekk l-aġġustamenti tariffarji xprunati mill-indiċi tal-inflazzjoni ġenwinament jissarrfux f’titjib tanġibbli fil-forniment tas-servizz jew jekk hemmx fatturi oħra involuti.
Il-MPE Agius Saliba kkonkluda jgħid li “l-impatt materjali fuq il-valur tal-kuntratt u l-konsumaturi involuti issa huwa ħafna akbar minn meta ngħatat is-sentenza tal-qorti msemmija, peress li r-rata tal-inflazzjoni reċentement żdiedet, u dan ħoloq aktar tbatija għall-konsumaturi b’introjtu baxx. It-tul tal-ħajja ta’ sentejn tal-biċċa l-kbira tal-kuntratti tas-servizzi tat-telefown ċellulari, tat-TV u tal-internet huwa maħsub biex jagħti liż-żewġ partijiet aktar stabbiltà. L-ekwilibriju jippermetti lill-fornitur tas-servizz iżomm fluss ta’ dħul stabbli, u b’hekk jiffaċilita livell imtejjeb ta’ forniment ta’ servizz, filwaqt li fl-istess ħin jagħti s-setgħa lill-konsumaturi b’viżibbiltà u kontroll aħjar fuq in-nefqa tagħhom, li jkunu qed jistennew redditu tal-valur għall-flus għas-servizz li jkunu qed iħallsu għalih. Li wieħed jimmina l-intitolament ta’ naħa jew oħra f’din l-ekwazzjoni huwa inkontestabbilment inġust.
Intant, fi stqarrija, Epic qalet li tissapportja inizjattivi ta’ dawn ix-xorta.
Dan filwaqt li tassigura li ma kienx hemm tibdil fil-prezzijiet, u li din il-prattika b’rabta mar-rati tal-inflazzjoni hija trasparenti u konformi mal-obbligazzjonijiet ta’ Malta u l-Unjoni Ewropea.