Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba appella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa Strateġija ta’ Saħħa Mentali tal-Unjoni Ewropea (UE). Bħala l-Viċi President tal-Intergrupp tas-Saħħa Mentali fil-Parlament Ewropew, il-MPE Agius Saliba ospita avveniment biex jippromwovi Strateġija għas-Saħħa Mentali għall-Unjoni Ewropea.
Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista ntqal li “l-appoġġ u l-interess muri mill-partijiet interessati preżenti fil-laqgħa kkonfermaw l-importanza li niksbu progress fuq din il-kwistjoni importanti. L-Ewropa teħtieġ direzzjoni u strateġija ċara għas-saħħa mentali, li ser taqdi rwol strumentali fit-tiswir tas-saħħa mentali pożittiva tas-soċjetà tagħna,” qal l-MPE Agius Saliba wara l-avveniment.
L-avveniment organizzat flimkien mal-Koalizzjoni għas-Saħħa Mentali u l-Benesseri, u l-Alleanza tal-Membri Parlamentari Ewropej għas-Saħħa Mentali, ġabru partijiet interessati tal-livell tal-UE u oħrajn fuq livell nazzjonali biex jiddiskutu kif għandhom jintegraw firxa ta’ determinanti soċjali tas-saħħa mentali – bħall-impjieg, l-edukazzjoni, u l-akkomodazzjoni – u kif jista’ jinkiseb progress b’azzjoni fuq livell tal-UE.
“Madwar id-dinja, id-diżordnijiet tas-saħħa mentali jaffettwaw wieħed minn kull għaxar persuni. Politiki favur is-saħħa mentali fis-setturi kollha se jkollhom rwol ewlieni fil-benessri taċ-ċittadini Ewropej. Strateġija Ewropea komprensiva għas-Saħħa Mentali ttejjeb il-ħajja ta’ miljuni ta’ Ewropej – kemm dawk affettwati mis-saħħa mentali kif ukoll il-familji tagħhom – u tikkontribwixxi għal ekonomija aktar b’saħħitha, koeżjoni soċjali u żvilupp sostenibbli,” qal l-MPE Agius Saliba.
L-ospitu ta’ dan l-avveniment, il-MPE Agius Saliba kompla jgħid li bħalissa, il-Kummissjoni tindirizza s-saħħa mentali bħala parti mill-attivitajiet tagħha dwar il-mard kroniku. Huwa qal li dan in-nuqqas ta’ attenzjoni speċifika mhuwiex aċċettabbli, u li l-prevalenza, il-piż, u l-impatt dejjem ikbar tas-saħħa mentali għandhom jiġu indirizzati fl-aspetti kollha tagħhom. Il-MPE Agius Saliba żied jgħid li fortunatament, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Presidenza Finlandiża u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-EPSCO issa jipprovdu opportunità ġenwina biex tiġi żviluppata Strateġija komprensiva tas-Saħħa Mentali tal-UE.
“Bħala l-kopresident tal-Alleanza tal-Membri Parlamentari Ewropej għas-Saħħa Mentali kif ukoll membru attiv tal-Koalizzjoni tal-Parlament Ewropew għas-Saħħa Mentali u l-benesseri, jien tlabt lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa Strateġija komprensiva u proattiva tal-UE għas-Saħħa Mentali,” ikkonkluda l-MPE Agius Saliba.