Il-MPE Alex Agius Saliba jippreżenta l-viżjoni progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D) għat-tranżizzjoni diġitali fl-Unjoni Ewropea f’dokument ta’ pożizzjoni ġdid adottat mill-Grupp, bit-titlu “L-Ewropa Diġitali Inklużiva Tagħna: Ninkludu lil Kulħadd — Opportunitajiet għal Kulħadd”.
Alex Agius Saliba, il-Viċi President tal-S&D għal Ewropa diġitali b’saħħitha għal kulħadd, qal li r-rivoluzzjoni diġitali qed iddawwar id-dinja tagħna ta’ taħt fuq billi toħloq opportunitajiet u sfidi ġodda li jaffettwaw b’mod profond ħajjet in-nies. Huwa qal li s-Soċjalisti u d-Demokratiċi huma impenjati li jibdlu l-progress tekniku fi progress soċjali għal kulħadd.
Il-MPE Laburista spjega li bil-ħolqien ta’ servizzi ġodda, it-tranżizzjoni diġitali għandha l-potenzjal li tgħaqqad lin-nies f’darhom, fuq il-post tax-xogħol, u mas-servizzi pubbliċi nazzjonali tagħhom, iżda biex tagħmel dan, jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tagħti s-setgħa liċ-ċittadini kollha fil-fehim u t-tħaddim ta’ għodod diġitali fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, filwaqt li tipproteġihom minn kundizzjonijiet tax-xogħol indiċenti jew prattiki diġitali inġusti li jmorru kontra l-protezzjoni tad-data, il-libertà tal-għażla, u l-pluraliżmu. Huwa enfasizza li dak li huwa illegali offline għandu jkun ukoll online.
“Id-dokument adottat mill-S&D huwa l-pjan direzzjonali tagħna għal prijoritajiet diġitali progressivi futuri. Dan jibni fuq il-ħidma u l-kisbiet tagħna fil-qasam tal-politika diġitali mill-2019, bħar-roaming, id-dritt ta’ skonnessjoni, il-ħaddiema tal-pjattaformi, id-drittijiet tal-konsumaturi, l-interoperabbiltà ta’ prodotti diġitali, algoritmi ġusti u trasparenti u l-projbizzjoni ta’ prattiki ta’ reklamar intrużivi online. It-tranżizzjoni diġitali m’għandhiex taggrava jew toħloq inugwaljanzi soċjali ġodda.
Huwa għalhekk li rridu niddefendu d-drittijiet tal-ħaddiema fl-ekonomija diġitali, mix-xogħol fuq pjattaforma diġitali sad-dritt ta’ skonnessjoni. Huwa wkoll ta’ importanza kbira li l-Unjoni tagħlaq malajr id-dimensjonijiet kollha tad-distakk diġitali, mill-aċċess għall-internet bħala dritt fundamentali għall-iżgurar ta’ aċċess xieraq, litteriżmu, u l-użu tas-servizzi elettroniċi minn kulħadd.” qal il-MPE Agius Saliba.
Huwa nnota wkoll li peress li l-prodotti diġitali jinstabu kullimkien, l-Unjoni Ewropea trid tipproteġi aħjar lill-konsumaturi tagħha, filwaqt li tenfasizza, b’mod partikolari, il-ħtieġa għal aktar trasparenza diġitali u intelliġenza artifiċjali ġusta, għal algoritmi u kampanji politiċi online, bħal f’dak li għandu x’jaqsam mal-garanzija tal-privatezza, il-protezzjoni tad-data, u drittijiet fundamentali oħra. Agius Saliba qal li l-S&D qed tagħmel ħilitha biex tindirizza x-xejriet skuri, ir-reklamar immirat, jew id-diżinformazzjoni, u tipprojbixxi s-sorveljanza u l-prattiki ta’ punteġġ soċjali.
Id-dokument ta’ pożizzjoni tal-S&D ikopri ħafna kwistjonijiet importanti tal-aġenda progressiva li għandhom l-għan li jikkoreġu l-iżbilanċi eżistenti u jgħinu biex jiġi żgurat li d-drittijiet u l-prinċipji diġitali jiġu salvagwardjati fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura u jiġu offruti opportunitajiet għal kulħadd.