“Is-soluzzjonijiet Ewropej eżistenti m’għadhomx addattati u certament mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw l-kriżi attwali u l-isfidi li qegħdinnaffaċċjaw bħala Unjoni,” qal l-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu waqt dibattitu dwar it-tiftixu s-salvataġġ fil-Mediterran.
Fl-intervent tiegħu il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista appella lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni Ewropeabiex jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji mill-aktar fis possibli, għal ġid ta’ kulħadd. “L-Unjoni Ewropea trid tqum u tindirizza din il-problema b’mod effettiv permezz tas-solidarjetà u permezz ta’ soluzzjoni Ewropea komuni.”
L-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba qal: “Is-sitwazzjoni m’għadhiex vijabbli. Fuq naħa waħda, għandna immigranti maqbuda f’ibħra miftuħa għal jiem sħaħ u bosta nies, inklużi tfal u nisa, li qegħdin jitilfu ħajjithom fil-Mediterran. Fuq in-naħa l-oħra, għandna ċittadini Ewropej li qed iħossuhom urtati u fl-istess ħin inkwetati għal mod li bih l-Unjoni Ewropea qiegħda tonqos milli taġixxi.”
Il-Membru Parlamentari Ewropew enfasizza wkoll li l-pajjiżi fil-fruntieri huma affettwati direttament mill-immigrazzjoni, u huma ferm aktar vulnerabbli għal inċidenti li seħħew matul tmiem il-ġimgħa li għadda fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far, ġewwa Malta.
“Is-sitwazzjoni qed tkompli teskala u ma nistgħux nibqgħu ċassi u ninjoraw il-fatt li l-immigrazzjoni hija fost l-aktar punti ta’ tħassib għaċ-ċittadini tagħna. Jekk nagħmlu hekk, nirriskjaw li jkollna żieda ta’ ideoloġiji estremisti, tixrid ta’ mibgħeda u vjolenza,” qal il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba.
L-Membru Parlamentari Ewropew spjega wkollli l-kwistjoni m’għandhiex tkun dwar jekk inkomplux insalvaw in-nies jew inħalluhom jegħrqu fl-ibħra tagħna. Is-salvataġġ tal-ħajja tan-nies huwa obbligu umanitarju u morali, li ma jistax jiġi injorat.“Li għandna bżonn hu li nindirizzaw il-fatt li għandna nuqqas ta’ soluzzjonijiet Ewropej vijabbli u li nirrivedu l-pakkett Ewropew dwar l-Ażil, għaliex bla dubju, ir-Regolament ta’ Dublin huwa l-kawża ewlenija għal din is-sitwazzjoni,” tenn jgħid il-Membru Parlamentari Ewropew.