Il-MPE Alex Agius Saliba nnegozja b’suċċess f’isem il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi u fil-Kumitat tal-Impjiegi tal-Parlament Ewropew u rnexxielu jwassal għal baġit tal-Unjoni Ewropea (UE) aktar b’saħħtu u soċjalment responsabbli għall-2024 li għandu l-kapaċità u l-flessibbiltà meħtieġa biex jindirizza l-ħafna sfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa.
Wara l-votazzjoni, il-MPE Agius Saliba qal li huwa konvint li l-programmi u l-istrumenti finanzjarji eżistenti m’għadhomx biżżejjed biex jappoġġjaw lin-nies u saħaq li hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet ġodda u baġit tal-UE reattiv li jirrifletti r-realtajiet ta’ madwarna. Huwa kkummenta li r-riskji huma għoljin għall-Baġit tal-UE għall-2024, fejn il-pandemija tal-COVID-19 li għaddejja bħalissa, il-gwerra fl-Ukrajna, iż-żieda fl-inflazzjoni u ż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u tal-enerġija aggravaw ambjent soċjoekonomiku diġà fraġli b’konsegwenzi u impatti soċjali devastanti. Huwa qali li sitwazzjoni bħal din teħtieġ rispons mingħajr preċedent mill-baġit tal-UE biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali tal-gwerra fuq iċ-ċittadini tagħna u biex jiġu protetti l-impjiegi, il-ħaddiema, iż-żgħażagħ, it-tfal, l-anzjani, u gruppi vulnerabbli oħra.
“Sena wara sena, nissielet biex niżgura li l-finanzjament tal-UE jaqbel mal-miri ta’ programmi emblematiċi għaż-żgħażagħ, it-tfal, il-ħaddiema, is-saħħa, u l-irkupru fi tranżizzjoni ġusta mill-kriżi u l-gwerra fl-Ukrajna. Din is-sena, irnexxielna nerġgħu niżguraw baġit b’saħħtu u soċjalment responsabbli li jiddefendi d-drittijiet u l-fondi taċ-ċittadini Ewropej fejn ir-riżorsi huma l-aktar meħtieġa. Bis-saħħa tal-pressjoni tagħna, il-baġit tal-UE se jikkunsidra l-kriżijiet li jikkoinċidu permezz ta’ approċċ ibbażat fuq il-prinċipji u ċċentrat fuq in-nies li għandu l-għan li jagħti spinta lir-reżiljenza, isaħħaħ il-koeżjoni soċjali, u jilħaq lill-aktar gruppi vulnerabbli.” Qal il-MPE Agius Saliba.
Il-MPE Laburista rnexxielu wkoll jiżgura sejħa għal Pakkett Ewropew ta’ Reżiljenza Soċjali u fond tal-UE għal emerġenzi soċjali għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi sabiex l-Ewropa tkun tista’ tirreaġixxi aktar malajr għal kriżijiet ta’ natura differenti, li qed isiru dejjem aktar multidimensjonali, ibridi u kumplessi.
“Ninsab kuntent li l-Kumitat tal-Impjiegi appoġġja l-maġġoranza tal-proposti tiegħi f’dan ir-rigward. Iżda hija ħasra li l-Partit Popolari Ewropew kien maqsum u fl-aħħar, ivvota kontra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi li għandha l-għan li twieġeb għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema u taċ-ċittadini, speċjalment f’dawn iż-żminijiet diffiċli, u għaldaqstant naqas milli jappoġġja pożizzjoni għall-finanzjament tal-UE u l-istrumenti finanzjarji fil-qasam soċjali u tal-impjiegi “, spjega l-MPE Agius Saliba.
Il-Kumitat tal-Impjiegi fil-Parlament Ewropew għandu rwol attiv ħafna fil-proċeduri baġitarji annwali tal-Unjoni Ewropea. Il-pożizzjoni tal-Kumitat hija kruċjali għall-protezzjoni u d-difiża tal-interessi diretti tal-ħaddiema u tal-popli.