L-MPE Laburista Alex Agius Saliba qajjem point of order sabiex joġġezzjona bis-saħħa għal proposta sabiex tiġi estiża deroga li permezz tagħha l-Parlament Ewropew jista jonqos milli jittraduċi diskorsi bil-Malti fil-kumitati u laqgħat ta’ delegazzjonijiet u milli jittraduċi leġislazzjoni għall-Malti.
Minħabba din id-deroga, kelliema Maltin (u Irlandiżi) huma jkollhom jitkellmu bl-Ingliż fix-xogħol tagħħhom f’dawn il-kumitati. Agius Saliba kkritika wkoll in-nuqqas tal-Parlament Ewropew milli jappunta kap għal kabina ta’ tradutturi tal-lingwa Maltija. Il-proposta diskussa fil-Parlament Ewropew estendiet id-deroga għal ħames snin oħra.
Fi kliem l-MPE Agius Saliba “Il-Parlament kellu għoxrin sena sabiex jgħammar lilu nnfisu biex jipprovdi servizz ta’ traduzzjoni għal lingwa Maltija. Il-Malti huwa lingwa nazzjonali ta’ Stat Membru u mhux inferjuri għal lingwi oħra.”
Din mhux l-ewwel darba li l-MPE Laburista u Viċi President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi ħa azzjoni dwar it-trattament tal-lingwa Maltija mill-istituzzjonijiet Ewropej. Is-sena l-oħra, Agius Saliba fetaħ każ kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tagħżel analista ekonomiku fi ħdan l-uffiċċju tal-European Semester Officer f’Malta li ma jitkellimx bil-Malti. L-MPE Laburista rebaħ il-każ quddiem l-Ombudsman Ewropew u l-Kummissjoni ġiet imġegħla terġa tibda l-proċess tal-għażla. Bosta drabi oħra Agius Saliba lmenta dwar in-nuqqas ta’ interpreti tal-lingwa Maltija fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropew.
L-MPE Laburista ta’ prijorita kbira lill-protezzjoni tal-kultura u t-tradizzjonijiet Maltin fil-kampanja sabiex jerġa jiġi elett fil-Parlament Ewropew, li ġiet imnedija nhar s-Sibt li għadda. Wara l-vot fil-Parlament Ewropew l-MPE kkummenta “Se nkompli naħdem fit-taqbida tiegħi sabiex jiġu rikonoxxuti l-valuri, l-kultura u l-identità tagħna u sabiex niżgura li Malta u l-Maltin jiġu ttrattati bħal pajjiżi u ċittadini Ewropew oħra. Il-lingwa u l-identità tagħna mhux inferjuri. Nsejjaħ lir-rappreżentanti Maltin fil-Parlament Ewropew mill-partiti politiċi kollha sabiex f’dawn il-każijiet nadottaw pożizzjoni komuni”.