F’votazzjoni fil-Kumitat tal-Impjiegi fil-Parlament Ewropew, il-MPE Alex Agius Saliba rnexxielu jsaħħaħ il-finanzjament tal-Unjoni Ewropea għall-2023 għal programmi għaż-żgħażagħ, it-tfal, il-ħaddiema, is-saħħa, u l-irkupru fi tranżizzjoni ġusta mill-kriżi u l-gwerra fl-Ukrajna.
“Iż-żieda fl-inflazzjoni, il-prezzijiet tal-ikel u tal-enerġija madwar l-Unjoni Ewropea qed jaffettwawna lkoll u aktar lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Ix-xhur li ġejjin se jkunu diffiċli għall-ekonomija tal-Unjoni Ewropea, u se jpoġġu ħafna setturi f’riskju u jżidu l-faqar u l-inugwaljanzi soċjali. Il-pagi mhux se jikbru malajr daqs l-inflazzjoni, u dan ipoġġi lin-nies f’diffikultajiet b’kundizzjonijiet tal-għajxien li sejrin għall-agħar. Sitwazzjoni bħal din teħtieġ rispons bla preċedent mill-baġit tal-Unjoni Ewropea biex jiġu żgurati miżuri ta’ protezzjoni soċjali biex jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali tal-gwerra fuq iċ-ċittadini tagħna,” qal il-MPE Alex Agius Saliba wara l-votazzjoni.
Huwa spjega wkoll li l-pożizzjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi hija kruċjali f’dan ir-rigward minħabba li dan huwa l-Kumitat fil-Parlament Ewropew li jipproteġi u jiddefendi l-interessi diretti tal-ħaddiema u taċ-ċittadini. Agius Saliba qal li huwa konvint li l-programmi u l-istrumenti finanzjarji eżistenti m’għadhomx biżżejjed biex jappoġġjaw lin-nies u li hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet ġodda u baġit tal-Unjoni Ewropea reattiv u li jirrifletti r-realtajiet ta’ madwarna.
“Ninsab kuntent li llum, fil-Kumitat tal-Impjiegi, ksibt appoġġ għall-proposta tiegħi li tipproteġi l-impjiegi, il-ħaddiema, iż-żgħażagħ, it-tfal, l-anzjani, u gruppi vulnerabbli oħra affettwati mill-kriżi attwali u l-prezzijiet għoljin tal-enerġija. Xi wħud mill-proposti jistgħu jagħmlu differenza reali, jipproteġu l-impjiegi u l-ġlieda kontra l-qgħad u jippreservaw l-impjiegi u l-introjtu tal-ħaddiema, bħall-Iskema Ewropea ta’ Riassigurazzjoni tal-Qgħad,” qal Alex Agius Saliba.
Il-MEP Alex Agius Saliba rnexxielu wkoll jiżgura sejħa għal Pakkett Ewropew ta’ Reżiljenza Soċjali u fond tal-Unjoni Ewropea għal emerġenzi soċjali għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi sabiex l-Ewropa tkun tista’ tirreaġixxi aktar malajr għal kriżijiet ta’ natura differenti, li qed isiru dejjem aktar multidimensjonali, ibridi u kumplessi.