Bdew id-diskussjonijiet fil-Parlament Ewropew dwar iċ-charger komuni għall-apparat elettroniku.
Dan hekk kif il-Membru Parlament Ewropew Malti, Alex Agius Saliba, li huwa r-rapporteur li se jmexxi din il-leġiżlazzjoni, kellu l-ewwel skambju ta’ fehmiet fil-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur.
Fir-rimarki tiegħu, Agius Saliba qal li l-biċċa l-kbira taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea għandhom problema bid-diversità ta’ chargers li jeżistu.
Spjega kif il-maġġoranza taċ-chargers mixtrija jispiċċaw bla użu u permezz ta’ leġiżlazzjoni bħal din, tkun qed tiffaċilità l-ħajja ta’ bosta fejn it-tnaqqis fil-produzzjoni u r-rimi taċ-chargers se jiffranka eluf ta’ tunnellati ta’ skart elettroniku fis-sena.
Dr Agius Saliba spjega li l-prijorità tal-Parlament Ewropew u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur huma l-konsumaturi.