Matul id-dibattitu fil-Plenarja dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej bl-isem ‘Insalvaw lin-naħal u lill-bdiewa! Lejn agrikoltura favur in-naħal għal ambjent b’saħħtu’, il-MPE Alex Agius Saliba indirizza l-problema tan-nixfa u tal-bagħal taż-żunżan li jeqirdu lin-naħal u jikkawżaw ħafna problemi fil-bijodiversità f’Malta.
Il-MPE Agius Saliba appella lill-Kummissjoni Ewropea biex tipprovdi lil Malta b’appoġġ finanzjarju biex tindirizza l-problema tan-nixfa u ħeġġeġ biex jittieħdu miżuri urġenti biex jiġu indirizzati l-problemi li jeħtieġu rimedji urġenti, bħalma jenħtieġ fil-każ tal-bagħal taż-żunżan li qed jeqred l-ekosistemi Maltin u qed joħloq ħafna problemi fil-produzzjoni tal-għasel u fuq in-naħal.
“Minħabba n-nixfa, kellna nuqqas ta’ xita f’Malta li rriżultat fi tnaqqis ta’ 80% fil-produzzjoni tal-għasel. Dawn huma eżempji ċari ta’ kemm ftit bidliet, bħaż-żieda tal-bagħal taż-żunżan u n-nuqqas ta’ xita, jistgħu jikkawżaw devastazzjoni għall-bijodiversità fi Stati Membri differenti, inkluż f’Malta. Għalhekk, huwa estremament importanti li jkun hemm Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej, bħal din, sabiex inkunu nistgħu nieħdu azzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea”, qal il-MPE Agius Saliba.
L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija l-ewwel għodda għad-demokrazija parteċipattiva li tagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea d-dritt li jieħdu l-inizjattiva u tipprovdi opportunità eċċezzjonali biex jiġu identifikati u artikolati l-aspirazzjonijiet tagħhom u jitolbu lill-Unjoni Ewropea tieħu azzjoni.
“Jien nappoġġja din l-inizjattiva importanti u nistenna bil-ħerqa li nieħu azzjoni dwar il-protezzjoni tan-naħal fil-livell Ewropew. Mingħajr naħal, mhux se nieklu. Mingħajr naħal ma hemm l-ebda bijodiversità”, enfasizza l-MPE Alex Agius Saliba.