Il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba qed jagħfas lill-Kummissjoni Ewropea biex tindirizza l-politika attwali dwar il-kanċellazzjoni tal-ivvjaġġar minħabba l-Coronavirus.
Huwa talab lill-Kummissjoni biex tindirizza miżuri urġenti rigward il-politiki ta’ kanċellazzjoni ta’ force majeure u l-aktar ħaġa important, biex jiġi żgurat li l-konsumaturi Ewropej jiġu kkumpensati għat-telf finanzjarju tagħhom.
“L-imxija u l-firxa rapida tal-coronavjrus qed tikkawża tfixkil mifrux, fejn rajna fost affarjiiet oħra linji tal-ajru madwar id-dinja li ssospendew it-titjiriet kollha lejn il-pajjiżi milquta. Barra minn hekk, in-nies qed jikkanċellaw il-vjaġġi u l-vaganzi tal-familja tagħhom. Il-konsumaturi s’issa għadhom fil-għama dwar jekk jistgħux jistennew kumpens mill-assigurazzjoni għal vjaġġi kkanċellati”, qal l-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba żied jgħid li għalkemm xi aġenziji tal-ivvjaġġar għandhom politiki speċifiċi fejn qed joffru derogi minn ħlasijiet ta’ emenda fuq il-btajjel li jmiss, jidher li l-biċċa l-kbira tal-poloz tal-assigurazzjoni tal-ivvjaġġar sempliċiment ma jgħoddux għal xenarji bħal dan.
Il-Kummissjoni għandha tadotta b’urġenza miżuri rigward il-politiki ta’ tħassir ta’ vjaġġar f’każijiet ta’ force majeure u tiżgura li l-konsumaturi Ewropej jiġu kkumpensati għat-telf finanzjarju tagħhom. Matul dawn iż-żminijiet diffiċli, huwa essenzjali li naraw li l-konsumaturi ma jbatux l-ispejjeż ta’ dawn il-kanċellazzjonijiet.