Il-MPE Alex Agius Saliba mexxa delegazzjoni tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) f’briefing għall-midja dwar l-adozzjoni tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) mill-Parlament Ewropew. Bħala Viċi President tal-Grupp responsabbli għall-politika diġitali, il-MPE Agius Saliba kkoordina proċessi f’kumitati ta’ ħidma differenti fi ħdan il-Parlament Ewropew li wasslu għall-introduzzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni.
Dan l-att se jiżgura li l-iżvilupp tal-Intelliġenza Artifiċjali jkun etikament korrett u jippromwovi l-benesseri tal-bniedem. Is-sistemi tal-IA jridu jkunu sikuri, l-użu tagħhom ikun trasparenti u mhux diskriminatorju u l-applikazzjoni tagħhom ma għandhiex tkun ta’ ħsara għall-ambjent. Dawn l-għanijiet se jintlaħqu permezz ta’ qafas regolatorju komuni li għandu jiġi adottat fl-Unjoni Ewropea kollha.
Il-MPE Agius Saliba spjega li l-qafas għandu jikkategorizza l-IA f’erba’ kategoriji ta’ riskju skont l-applikazzjoni tiegħu; bl-ogħla riskju jkun inaċċettabbli u għalhekk ipprojbit. L-użu tal-IA fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, it-trasport u l-ġustizzja huwa meqjus ta’ riskju għoli u se jkun permess biss jekk il-karatteristiċi jinkludu miżuri ta’ sigurtà robusti u sorveljanza umana. L-użu tal-IA f’kategoriji b’riskju aktar baxx, bħall-assistenza lill-bnedmin biex iwettqu kompiti ordinarji, se jkun permess b’inqas restrizzjonijiet.
Fuq l-insistenza tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, tekniki bħall-identifikazzjoni bijometrika fi spazji pubbliċi u sistemi tal-pulizija predittivi bbażati fuq is-sess, ir-razza, l-orjentazzjoni politika, u l-imġiba tal-passat mhux se jkunu permessi. Il-ġbir ta’ data bijometrika mill-midja soċjali u l-filmati tas-CCTV se jkun ipprojbit ukoll biex jiġi protett id-dritt tal-individwi għall-privatezza.
L-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba spjega għaliex il-Grupp tiegħu insista bil-qawwa fuq l-adozzjoni ta’ dan l-Att. “Chat GPT wera l-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas regolatorju li jindirizza r-riskju li l-IA tista’ toħloq fl-isfera ta’ informazzjoni ħażina, aħbarijiet foloz, u użu ħażin tad-drittijiet tal-awturi. Dan l-Att, li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu madwar id-dinja, għandu jirregola dan is-settur sensittiv li jħalli impatt fuq ħajjitna u fuq id-drittijiet fundamentali tagħna.”