Matul l-aħħar laqgħa tiegħu, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet approva b’maġġoranza kbira (90%) ir-rapport dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2022, li dwaru l-MPE Agius Saliba, fil-kariga tiegħu bħala l-Viċi President tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u r-Rapporteur, kien qed imexxi n-negozjati f’isem il-Parlament Ewropew.
Ir-rapport dwar l-eżitu tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul l-2022 għandu l-għan li jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva tal-ħidma mwettqa mill-Kumitat fl-2022 u jinkludi analiżi statistika dettaljata tal-petizzjonijiet riċevuti u pproċessati kif ukoll rendikont ta’ attivitajiet parlamentari oħra bħall-adozzjoni ta’ rapporti u opinjonijiet, l-organizzazzjoni ta’ seduti ta’ smigħ u r-relazzjonijiet tal-kumitat ma’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni Ewropea.
“Jien enfasizzajt li għandna bżonn titjib bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u ċ-ċittadini tagħna u enfasizzajt l-importanza li titqajjem kuxjenza dwar id-dritt ta’
petizzjoni lill-Parlament Ewropew, li huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri kollha tagħna”, ikkummenta l-MPE Agius Saliba.
Huwa saħaq li l-Parlament Ewropew huwa l-unika istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea eletta direttament miċ-ċittadini, u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet u d-dritt tiegħu għal strument ta’ petizzjoni għandhom l-unika konnessjoni diretta bejn iċ-ċittadini u l-Unjoni Ewropea. Fl-eżerċizzju tad-dritt fundamentali tagħhom għal petizzjoni, iċ-ċittadini jistennew li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jwieġbu fil-ħin u jipprovdu valur miżjud biex tinstab soluzzjoni reali għat-tħassib tagħhom. Kwalunkwe nuqqas li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex tiġi żgurata protezzjoni sħiħa tad-drittijiet taċ-ċittadini li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni Ewropea x’aktarx li jirriżulta fi skuntentizza lejn l-Unjoni Ewropea.
“Sabiex itejjeb il-ħidma tiegħu, meta jadotta l-aġenda għal-laqgħat, is-seduti ta’ smigħ u l-missjonijiet, il-Kumitat PETI irid isegwi l-linji gwida u l-kriterji oġġettivi tiegħu bħall-kontribut ta’ petizzjonijiet magħżula għad-dibattitu attwali tal-Unjoni Ewropea u l-kopertura ġeografika bbilanċjata tagħhom skont il-petizzjonijiet riċevuti. Nemmen li l-Kumitat għandu responsabbilta’ speċjali li jżomm din id-dimensjoni Ewropea fil-konfront tal-petizzjonanti u lejn id-dinja ta’ barra, u li l-Membri kollha tiegħu, fl-azzjonijiet u l-konsiderazzjonijiet tagħhom għandhom dejjem ikunu ggwidati mir-responsabbilta’ istituzzjonali Ewropea aktar milli mill-interessi politiċi nazzjonali. Għalhekk, il-ftehimiet bejn il-gruppi politiċi rappreżentati fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet huma essenzjali biex jipprovdu rispons bilanċjat u li jinftiehem lill-petizzjonanti”, stqarr il-MPE Agius Saliba.
Agius Saliba enfasizza li wieħed ma jistax jinsa li fi żminijiet ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon u sfiduċja dejjem jikbru fost iċ-ċittadini u r-residenti Ewropej, li jpoġġu l-proġett Ewropew f’riskju, il-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet hija importanti aktar minn qatt qabel.
“Huwa għalhekk li rridu nipprovdu trasparenza sħiħa u rispons f’waqtu lill-petizzjonanti, filwaqt li niżguraw il-kwalita’ tat-tweġibiet, l-azzjonijiet tagħna u segwitu xieraq għall-ilmenti tal-petizzjonanti”, temm jgħid il-MPE Alex Agius Saliba.