Il-MPE Alex Agius Saliba, kelliem tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi u rappreżentant tal-Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-monitoraġġ tal-UNCRPD fil-Parlament Ewropew jilqa’ l-vot b’maġġoranza kbira dwar ir-rapport “Lejn drittijiet ugwali għal persuni b’diżabilità” fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet.
Fl-Unjoni Ewropea hemm aktar minn 100 miljun persuna b’diżabilità.
Is-sitwazzjoni tagħhom tista’ tvarja minn Stat Membru għal ieħor, iżda ġeneralment huma aktar probabbli li jkunu esposti għall-esklużjoni soċjali, il-faqar u l-qgħad.
Ir-rapport qed jistieden lill-Kummissjoni Ewropea twettaq riċerka dwar forom protetti ta’ xogħol u biex tikseb għarfien dwar kemm persuni b’diżabilità għandhom impjieg fis-suq tax-xogħol miftuħ.
Iċ-ċifri tal-Eurostat juru liema perċentwal ta’ persuni b’diżabilità huma impjegati f’kull Stat Membru, iżda l-kwalità tal-impjieg li kull persuna ssib ruħha fiha tibqa’ mhux magħrufa.
B’mod partikolari hemm kuntrast kbir bejn il-persuni b’diżabilità impjegati fis-suq tax-xogħol miftuħ, u dawk li huma impjegati f’workshops protetti.