Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba kien fdat b’waħda mill-ħames mistoqsijiet tal-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi waqt is-smigħ ta’ Helena Dalli, il-Kummissarju Malti nominata għall-portafoll tal-Ugwaljanza.
Fil-mistoqsija tiegħu, l-Membru Parlamentari laburista tenn, “Helena Dalli diġà ppruvat lilha nnifisha fil-qasam tal-ugwaljanza ġewwa Malta fejn irnexxielha tagħmel rivoluzzjoni soċjali f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet tal-minoranzi f’Malta. U issa ninsab ċert li ser jerġa’ jirnexxielha tagħmel dan fuq livell Ewropew, biex f’hames snin ohra nkunu qed nghixu f’Ewropa aktar Ugwali”.
Fil-mistoqsija tiegħu, l-Membru Parlament Ewropew Agius Saliba ffoka fuq il-protezzjoni u l-bżonn ta’ drittijiet ugwali għal dawk li jaħdmu għal rashom u l-ġenituri adottivi, u kif ukoll fuq il-bżonn tal-integrazzjoni tad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità fil-leġiżlazzjoni, il-politiki, u l-programmi kollha tal-Unjoni Ewropea.
“Id-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata hija l-ewwel pass biex il-familji jiġu pprovduti bi stabbiltà bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja. Żgur li din id-Direttiva mhijiex biżżejjed! Għandna nestendu wkoll l-iskop tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għal-leave tal-maternità, kif ukoll għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u l-ġenituri adottivi. Għalfejn il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u l-ġenituri adottivi m’għandhomx igawdu l-istess drittijiet tal-ġenituri bħal ħaddieħor?” qal Agius Saliba meta kien qed jitkellem dwar il-mistoqsija li ressaq lil Dalli.
Fil-mistoqsija tiegħu, huwa tkellem ukoll dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, kwistjoni li hija ferm għal qalbu. “Tlabt lil Helena Dalli ġġedded l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010–2020 b’aġenda ambizzjuża għall-għaxar snin li ġejjin. U tlabtha biex tintegra wkoll id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità fl-oqsma kollha tat-tfassil tal-politika tal-UE u tinvolvi lill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi ta’ persuni b’diżabilità fil-ħidma tagħha bħala Kummissarju.”
“Persuni b’diżabilità spiss jintesew, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll f’dak Ewropew. Ninsab fiduċjuż li b’Helena Dalli bħala Kummissarju dwar l-Ugwaljanza, dan mhux ser ikun il-każ,” qal Alex Agius Saliba.
Il-Kummissarju nnominata Dalli qablet mal-Membru Parlamentari Ewropew Agius Saliba dwar dawn il-kwistjonijiet kollha u mpenjat ruħha li wara l-implimentazzjoni xierqa tad-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, hija ser tkun qed tara li jitwessa’ l-iskop tal-applikazzjoni tagħha għal dawk li jaħdmu għal rashom u l-ġenituri adottivi. Hija wegħdet ukoll li ser taħdem biex tintegra d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità fit-tfassil tal-politika kollha tal-Unjoni Ewropea, inkluż l-involviment tal-partijiet interessati soċjali fil-leġiżlazzjoni Ewropea kollha. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ strateġija Ewropea ġdida għad-Diżabilità, Helena Dalli qalet li l-Kummissjoni l-ewwel ser tkun qed tevalwa dak attwali u mbagħad tara x’lezzjonijiet tista’ titgħallem minnu.