L-Ewro Parlamentari Laburista Alex Agius Saliba talab lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri sabiex jintroduċu miżuri nazzjonali biex jikkontrollaw u jissorveljaw prezzijiet għoljin u inġusti għal prodotti essenzjali matul l-imxija tal-Coronavirus.
Dr Agius Saliba stqarr: “Il-prinċipju tas-suq isuq, f’dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji illi qegħdin ngħixu nemmen illi m’għadhomx validi. Sfortunatament u se nkun qiegħed nirriproduċi numru ta’ invoices li ħarġu minn distributuri rajna żidied li ma jagħmlux sens.”
Huwa sostna li sa mill-bidu tal-imxija tal-Coronavirus, kien hemm żieda f’kummerċjanti diżonesti li raw kif għamlu biex jisfruttaw is-sitwazzjoni attwali biex ibigħu prodotti essenzjali bi prezzijiet għoljin ħafna, bl-iskuża li naqas l-istokk.
Kien hemm diversi lmenti f’pajjiżi differenti dwar żieda f’daqqa fil-prezzijiet fuq ċerti prodotti.
Fil-fatt kien hem żieda f’daqqa fil-prezzijiet ta’ ċerti prodotti importanti minn 10% għal 100% jew saħansitra aktar.
Dr Agius Saliba saħaq li dawn iż-żidiet inġusti fuq oġġetti essenzjali qed ipoġġu aktar pressjoni finanzjarja u restrizzjonijiet fuq iċ-ċittadini l-aktar vulnerabbli matul il-pandemija.
Tenna li ħadd m’għandu jitħalla jgħolli jew jiffissa prezzijiet ta’ prodotti essenzjali bil-għan li jiggwadanja bi profitti ogħla matul din is-sitwazzjoni.