Il-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Konrad Mizzi, se tiġi diskussa fis-sessjoni tal-Parlament nhar l-Erbgħa.
Il-mozzjoni tressqet mill-membru indipendenti Marlene Farrugia u l-Oppożizzjoni Nazzjonalista diġa’ iddikjarat li se tkun qed tagħtiha appoġġ. Filwaqt li l-gvern iddikjara li m’għandu ebda diffikulta jiddiskutiha mill-iktar fis, il-whip tal-gvern, Godfrey Farrugia, ippropona li għandu jkun hemm seduta waħda normali ta’ tliet sigħat.
Id-deputat indipendenti, Marlene Farrugia, qalet li riedet ġurnata ta’ diskussjoni. Il-Ministru Edward Zammit Lewis fakkar li ftit ilu kienet diġa’ diskussa mozzjoni ta’ sfiduċja fil-gvern li ħadet ġurnata sħiħa.
F’nofs battibekki dwar il-ħin li għandha tieħu u jekk il-parlament jibdiex qabel jew jittardja iktar id-deputat Marlene Farrugia nstemgħet tgħid lill-whip tal-grupp parlamentari laburista: “Se jkollok il-birthday dakinhar Godfrey.”
Fl-aħħar kien hemm qbil dwar sitt sigħat ta’ diskussjoni bejn l-16.30 u 21.30.