Fl-aħħar erba’ xhur, it-traffiku tal-passiġġieri li għadda mill-mitjar Malti kien kważi erba’ darbiet iktar minn dak tas-sena li għaddiet.
Ċifri ppubblikati fuq thejournal.mt juru li n-numru ta’ passiġġieri li għaddew mill-ajruport bejn April u Lulju ta’ din is-sena huma kważi l-istess bħan-numri osservati bejn April u Ottubru tas-sena l-oħra.
Minkejja ċertu restrizzjonijiet, bħall-għeluq tal-iskejjel tal-lingwi u l-bżonn li jkollok ċertifikat tal-vaċċin biex tidħol f’Mata, Lulju ta’ din is-sena kien l-aqwa xahar għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta minn Frar tal-elfejn u dsatax, li kien l-aħħar xahar qabel il-pandemija.
F’Awwissu tas-sena l-oħra, li kien l-aqwa xahar għat-turiżmu għas-sena elfejn u għoxrin, il-movimenti fl-ajruport qabżu l-mitejn u tnejn u ħamsin elf. Ix-xahar li għadda, in-numru ta’ persuni li għaddew mill-ajruport, qabeż it-tliet mija u ħdax-il elf.
L-ewwel indikazzjonijiet għax-xahar li ninsabu fih ukoll jidhru pożittivi, hekk kif l-ajruplani kienu aktar minn sebgħin fil-mija mimlijin bħala medja. Dan jista’ jfisser li l-attività f’Awwissu kienet saħansitra aħjar minn dik ta’ Lulju.
Ir-rapport ta’ thejournal.mt, li analizza ċifri fis-settur turistiku qabel il-pandemija, fl-eqqel tar-restrizzjonijiet u issa li qbadna t-triq għan-normalità anki permezz tal-vaċċin, qed ibassar żieda ta’ għoxrin fil-mija fuq is-sena l-oħra fejn jidħol il-moviment tal-passiġġieri fl-ajruport.
Dan jindika li t-triq ta’ rkupru f’dan is-settur tant kruċjali għal pajjiżna, qabdet sew.