Fl-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tiegħu, il-Partit Laburista kien mogħni b’nies li sejsu ħidmiethom fuq l-għaqda u għarfu li l-aħna huwa akbar mill-jiena.
Kliem il-Prim Ministru u d-disa’ mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, fil-jum li jfakkar il-mitt sena mit-twaqqif tal-Partit Laburista.
F’messaġġ irrekordjat li xxandar fuq ONE, Robert Abela fakkar fil-kisbiet tal-Partit Laburista, li kienu kollha xprunati minn prinċipji soċjali.
Robert Abela saħaq, “Inħossni kburi ħafna iżda wkoll imċekken li fil-100 sena mit-twaqqif tal-Partit Laburista ninsab fit-tmexxija tiegħi. L-istorja tagħna, l-istorja ta’ dan il-moviment hija msejsa fuq kisbiet kbar li wasslu għal bidla pożittiva fil-livell tal-għajxien u fil-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema u l-familji tagħhom.”
Robert Abela qal li kull darba li l-poplu ta l-fiduċja lill-Partit Laburista biex imexxi l-pajjiż, dejjem wettaq riformi soċjali kbar u ħadem għat-tisħiħ tad-demokrazija ta’ pajjiżna.
Qal li anki meta kien fl-Oppożizzjoni, il-Partit Laburista ma ssuppervjax. Baqa’ jkun sors ta’ ispirazzjoni u ideat ġodda u ħadem biex isaħħaħ isem pajjiżna.
Il-Mexxej Laburista stqarr, “Ninsab konvint li l-Partit Laburista baqa’ relevanti wara tant snin, u llum jinsab fit-tmexxija ta’ pajjiżna, għax kien magħqud, u kellu nies fi ħdanu li kienu għatxana għall-bidla. Qatt ma straħu fuq il-kisbiet tal-imgħoddi. Ħolmu dwar Malta ġdida u moderna, Malta li tissielet għall-ġustizzja soċjali u għad-drittjiet ċivili anke f’mumenti fejn il-forzi kollha fil-pajjiż ħarġu qatta’ bla ħabel kontrih.”
Filwaqt li elenka l-kisbiet, il-Mexxej Laburista qal li ma nistgħux nintilfu biss fin-nostalġija u tkellem dwar it-triq ’il quddiem, biex dan il-moviment jibqa’ l-akbar forza politika u ta’ bidla f’pajjiżna.
Dr Abela sostna, “Nistqarr li l-vjaġġ ta’ dan il-moviment kellu t-tlugħ u l-inżul tiegħu u kien hemm ċirkostanzi fejn iva, naqas u seta’ aġixxa aħjar. Iżda dan il-moviment huwa mogħni b’nies li għarfu s-sinjali ta’ żminijiet, għarfu li l-aħna huwa akbar milli jien, karatteristiċi ewlenin tagħna bħala moviment magħqud.”
Robert Abela qal li l-valuri tal-ġustizzja soċjali żammew dan il-partit magħqud, u minnu ssawret politika li tilħaq l-ambizzjonijiet ta’ kull persuna fis-soċjetà.
Qal li l-moviment li jmexxi fadallu ħafna xogħol xi jwettaq, fost l-oħrajn biex jindirizza t-tbatijiet ta’ min huwa mċaħħad mill-aktar affarijiet bażiċi tal-ħajja.
“Se nibqgħu nibnu l-politika tagħna fuq il-prinċipji tal-ugwaljanza, il-ġustizzja soċjali, il-mobilità soċjali u l-għaqda nazzjonali. Dawn kienu l-prinċipji li mexxewna fit-triq it-tajba f’dawn l-aħħar mitt sena u dawn se jkunu l-prinċipji li se jibqgħu jmexxuna ’l quddiem fis-snin li ġejjin.” Temm jgħid il-Mexxej Laburista.
Ritratt: Gareth Degiorgio