Wara li l-MEPA ma laqgħetx żvilupp propost fil-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien, fi stqarrija l-Moviment Ħarsien Ħondoq wera s-sodisfazzjon tiegħu għad-deċiżjoni tal-awtoritajiet Maltin biex isalvaw post ieħor.
Il-Moviment spjega kif ilu erbatax -il sena jiddefendi l-interess ambjentali tal-Ħondoq u rringrazzja lill għadd t’għaqdiet mhux governattivi kif ukoll lill-Kunsill Lokali tal-Qala.
Fl-Istqarrija iżda l-Moviment Ħarsien Ħondoq innota li permezz t’emendi li saru fuq il-pjan lokali fl-elfejn u sitta xorta jista’ jkun hemm żvilupp żgħir permezz ta’ bini fil-post.
Il-Moviment irrijaferma l-pożizzjoni tiegħu kontra kull żvilupp fil-post u sostna li Ħondoq ir-Rummien għandu jieħu l-istat oriġinali tiegħu u jaqa’ fiż-żona barra l-iżvilupp.
Il-Moviment Ħarsien Ħondoq temm l-istqarrija billi radd ħajr lil MEPA tad-deċiżjoni senssibli li ħadet fl-aħħar tax-xahar li għadda.