Is-Sibt filgħodu, il-bajja ta’ Blue Lagoon f’Kemmuna sebħet b’movimenti differenti mis-soltu.
Dan hekk kif minbarra l-Maltin u turisti li marru biex igawdu l-bajja, kien hemm ukoll il-membri tal-Moviment Graffiti li protestaw dwar il-ħtieġa li fuq Kemmuna jkun hemm inqas attività kummerċjali.
Fuq il-post dehru wkoll numru ta’ pulizija assenjati biex tinżamm l-ordni. Fil-fatt, meta bid-dgħajjes waslu l-membri tal-moviment Graffiti, xi persuni dehru jargumentaw li kien ilhom żmien jistennew biex jagħmlu din iż-żjara f’Kemmuna u xtaqu jgawduha lil hinn mill-protesti.
Kien hemm mumenti fejn il-pulizija intervjenew biex ikkalmaw xi argumenti, filwaqt li l-membri tal-moviment graffiti argumentaw li huma għandhom dritt jipprotestaw, kif fil-fatt ġara.
Il-protesta ħadet in-nofstanhar ta’ filgħodu u matul il-jum Kemmuna baqgħet issir iktar bieżla b’ħafna persuni jistennew din il-ġimgħa ta’ Santa Marija biex jippjanaw xi ġurnata l-baħar mhux tas-soltu u Kemmuna dejjem hi destinazzjoni popolari.
Il-Moviment Graffiti, li wasal fuq il-post permezz ta’ dgħajjes ta’ waħda mill-kumpaniji li tgħamel il-vjaġġi regolari, qed targumenta li d-dgħajjes kbar tat-turisti m’għandhomx jibqgħu jidħlu Kemmuna u li għandhom jonqsu l-faċilitajiet minn fejn wieħed jixtri.
Fl-aħħar xhur l-awtoritajiet, partikolarment dawk tat-turiżmu, intervjenew biex ir-ramla ta’ Blue Lagoon tkun vojta mid-deckchairs, filwaqt li l-armar ma jiħux iktar minn ħamsin fil-mija tal-bajja. L-Awtorità Maltija għall-Ambjent u r-Riżorsi wkoll żiedet il-preżenza ta’ uffiċjali tagħha u ħadet passi biex tneħħa sit ta’ camping illegali. Dan fost għadd ta’ inizjattivi oħra fuq il-gżira.