Ftit jiem wara li tħabbar investiment ta’ tmien mija u ħamsin elf ewro f’sistema ta’ dawl ġdida mal-Bażilika tal-Mosta, kienu bosta residenti li laqgħu dan l-aħbar.
Il-fondi, li ġejjin mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, se jaraw ukoll li d-dawl joħloq l-inqas ammont ta’ tniġġis possibbli.
Lejlet il-festa ta’ Santa Marija, One News tkellem ma’ rapprezentanti tal-kazini ta’ din il-komunità, fejn spikkaw ir-reazzjonijiet ta’ sodisfazzjon, li fl-aħħar dan is-Santwarju ikoniku se jkun imdawwal b’mod li jagti ġieħ lill-elementi arkitettoniċi tiegħu.
Raymond Pisani, mis-Soċjetà Filarmonika Santa Marija sostna kif huwa dnub li s-sistema li ddawwal il-Bażilika ma kienx ta’ kwalità għolja kif jixraqilha.
Qal, “Ħadna pjaċir ħafna li għall-inqas se jibda jkollna dawl sura ta’ nies mal-Knisja. Qabel kienet disgrazzja kbira, ma tantx kellek dawl u ma tara xejn sewwa, illum nirringrazzjaw li nġab dad-dawl u nirringrazzjaw lil kulħadd tal-fondi li ġew.”
Bernard Bezzina, is-Segretarju fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika Nikolo Isouard, laqgħa dan l-investiment, hekk kif innota li dan se jitgawda kemm mill-Mostin u anke mill-bosta turisti li jżuruh.
Fil-fatt, huwa stmat li fl-elfejn u dsatax, kienu mad-disa’ mitt elf turist li żaru dan il-monument.
Bezzina tenna kif l-investiment huwa wieħed li kien ilu mistenni.
Spjega, “Hija aħbar favorevoli, kulħadd jaqbel magħha, speċi, il-monument tar-Rotunda huwa ikoniku mad-dinja kollha tista’ tgħid, u jixraq li jkollu dawl adekwat f’dan is-seklu li qed ngħixu llum il-ġurnata. Ovjament kull monument barra minn Malta u anke f’Malta għandu jkun imdawwal xieraq kif suppost.”