Il-morning-after pill se tkun disponnibli fl-Isptar Mater Dei bla ħlas għall-vittmi ta’ stupru. Din il-pillola ta’ emerġenza se tkun qed titniżżel fil-lista ta’ mediċini tal-Gvern wara li tiġi liċenzjata mill-Awtoritá tal-Mediċini.
Dan qalu l-Ministru tas-saħħa Chris Fearne lil Malta Today fejn spjega li ladarba tkun liċenzjata, spiżeriji u tobba se jkunu jistgħu jagħmlu talba biex il-morning-after pill titniżżel fil-formularju tal-Gvern. Din it-talba tiġi analizzata mill-Kumitat responsabbli mill-lista tal-formularju tal-Gvern, tkun approvata huwa d-deċiżjoni final tittieħed mil-board tal-beneffiċji tas-saħħa li jiddeċiedi jekk hemmx bizzejjed fondi pubbliċi sabiex tinxtara. Għaldaqstant, f’dan il-każ, fi kliem il-Ministru l-mediċina hija rħisa u jemmen li mhux se jkun hemm problemi.
L-Awtoritá tal-Mediċini l-ġimgħa li għaddiet ħabbret id-deċiżjoni li l-morning-after pill se tkun tista’ tinxtara mingħajr il-preskrizzjoni tat-tabib. Fil-kummenti tiegħu l-Professur Anthony Serracino Inglott li jmexxi l-Awtorità Maltija tal-Mediċini qal li skont l-istudji li għamlet l-Awtoritá meta tapplikahom għal pajjiżna, hemm ċans li jekk wieħed jieħu din il-pillola bil-preskrizzjoni tat-tabib, tonqos l-effikaċja, jiġifieri l-effett primarju tal-morning-after pill, emerġenza għal raġuni, jintilef.