Il-familji u negozji Maltin u Għawdxin iffrankaw €487miljun f’dejn grazzi għall-moratorju impost fuq il-ħlas tad-djun tal-banek.
Irrapurtat dan il-gazzetta Kullħadd hekk kif spjegat li dan il-moratorju kien ta’ sostenn qawwi għal 2,700 negozju u familja madwar il-pajjiż.
Dan joħroġ mill-ewwel statistika ppubblikata din il-ġimgħa mill-Bank Ċentrali ta’ Malta dwar l-impatt ta’ din id-deċiżjoni tal-Gvern biex jgħin lin-negozji milqutin l-agħar mill-COVID-19.
Fil-fatt din l-istatisika mistenniha tiżdied b’mod sostanzjali hekk kif tkopri biss l-perjodu sal-aħħar ta’ Marzu.
Dan bħala parti minn pakkett usa’ ta’ miżuri adottati mill-Gvern Laburista fis-sitwazzjoni attwali ta’ emerġenza u li kien meqjus bħala l-aqwa mill-pajjiżi kollha milqutin fl-imxija tal-Coronavirus.
L-ammont ta’ familji li ngħataw moratorju sal-aħħar ta’ Marzu kien ilaħħaq l-1,836. Kollha flimkien dawn għandhom jagħtu lill-banek €157.2 miljun.
Huwa kkalkulat li dawn il-familji qed jiffrankaw madwar erba mitt elf ewro fix-xahar f’imgħax.
Ma’ dawn il-moratorju kien sors ta’ likwidità għal 885 negozju, li għandhom dejn ta’ kważi €330 miljun.
Hu stmat li l-moratorju qed jagħti nifs totali ta’ €6 miljun f’termini ta’ imgħax pospost u mill-inqas €15-il miljun oħrajn f’pagamenti tad-dejn, għal nifs kumplessiv ta’ €21 miljun lil ftit inqas minn 900 negozju s’issa.
Il-maġġoranza tal-likwidità ngħatat lil-lukandi u r-restoranti bi kważi €114-il miljun b’moratorju.
Qasam ieħor li ngħata injezzjoni tajba ta’ likwidità kien dak tal-bejgħ bil-grossa u l-ħwienet, b’225 negozju mogħtija appoġġ mill-banek għas-somma ta’ €36.9 miljun.
Is-settur tal-kostruzzjoni u l-proprjetà wkoll qed igawdi minn sostenn ta’ kważi €93 miljun, waqt li ma naqasx lanqas appoġġ lis-setturi tat-trasport, manifattura u servizzi oħrajn, li flimkien għandhom dejn ta’ ftit inqas minn €90 miljun.