Il-monument tas-Sette Giugno se jmur lura f’postu, jiġifieri fi Pjazza San Ġorġ, wara li minn eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika, irriżulta li din hija x-xewqa tal-maġġoranza tal-poplu.
Barra minn hekk, ġie deċiż li l-monument għandu jmur lura fi Pjazza San Ġorġ kemm minħabba r-rabtiet li għandu mal-irvellijiet tas-sena 1919, kif ukoll peress li l-pjazza hija kbira biżżejjed biex tilqa’ l-kommemorazzjoni annwali li tfakkar din il-ġrajja.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi, li fakkar ukoll li oriġinarjament, il-monument dejjem kien fi Pjazza San Ġorġ, iżda meta sar il-proġett ta’ tisbiħ tneħħa sakemm isiru x-xogħlijiet u għal xi raġuni, minkejja li kellu jiġi rilokat, u hemm imniżżel anke fil-pjanti l-post eżatt, il-monument barra mill-proġett.
Il-konsultazzjoni pubblika bdiet f’Ġunju li għadda, fejn il-pubbliku kellu ċ-ċans jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar fejn jaħseb li huwa l-aħjar post li fih għandu jitqiegħed il-monument. Dan l-eżerċizzju ta opportunità lill-poplu biex ikun parti mill-proċess tal-għażla.
Il-Ministru Joe Mizzi qal li l-monument nazzjonali huwa ċċelebrat b’festa nazzjonali, u għaldaqstant, wieħed jistenna li ġrajja daqshekk importanti ikollha monument fil-Belt Valletta.
Wara li għalqet il-konsultazzjoni pubblika, il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Pot il-Kbir, li mexxiet dan il-proċess, segwiet il-kummenti li saru, fejn innotat li dan ħoloq diskussjoni fejn intwera kemm il-poplu għandu għal qalbu l-istorja ta’ pajjiżna.
Fil-ġimgħat li għaddew saru studji tekniċi biex jiġu kkunsidrati l-possibiltajiet kollha. Wara li ġie konkluż li loġistikament, dan jista’ jsir, fil-ġimgħat li ġejjin, se jinbeda l-proċess biex il-monument jiċċaqlaq minn fejn qiegħed illum u jmur lura fi Pjazza San Ġorġ. Il-pjan huwa li ladarba jibda dan il-proċess, sal-aħħar tas-sena l-monument ikun fi Pjazza San Ġorġ.
Min-naħa tiegħu, iċ-Ċermen tal-GHRC, Dr Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-Korporazzjoni se tkun qed tikkolabora mal-Uffiċċju tal-Proġetti għar-Riabilitazzjoni, mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet, mal-Awtorita tal-Ippjanar u l-awtoritajiet konċernati biex dan isir.