Il-monument tal-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Dom Mintoff jinsab fi triqtu lejn Malta hekk kif issa jinsab lest wara li nħadem fil-Fonderia Domus Dei, li tinsab f’Pomezia – ftit ’il barra miċ-ċentru ta’ Ruma.
B’għoli ta’ madwar żewġ metri u ħamsa u erbgħin ċentimetru, dan il-monument fih tliet mija u ħamsin kilogramma ta’ bronż.
Monument maħdum minn Noel Galea Bason li rfina fl-iċken dettalji, fosthom fl-idejn u fil-ħwejjeġ.
Wara ħidma sfieqa ma kien jonqos xejn ħlief li l-monument jiġi ppakkjat u jintbagħat f’pajjiżna, biex lil hinn mill-filmati, in-nies tkun tista’ tgawdi dan il-monument fi Pjazza Kastilja ta’ dan il-personaġġ storiku li għadu ħaj f’bosta monumenti soċjali kbar li introduċa tul it-tmexxija tiegħu.