Sa ġimgħa ilu kont tisma’ min jgħajjat b’ħanġra daqsiex biex ibegħlek xi ħaġa.
Illum l-affarijiet kienu differenti.
Il-monti ta’ Ħal Qormi s-Sibt filgħodu sebaħ għal xena mhux tas-soltu fejn armaw inqas bejjiegħa u ra inqas nies mis-soltu.
Dan wara direttivi biex fis-swieq fil-lokalitajiet, jarmaw biss il-bejjiegħa tal-ikel. Dan apparti li tinżamm distanza ta’ 20 metru bejn posta u oħra.
Jurgen Briffa, wieħed mill-bejjiegħa li jarma bil-ħaxix spjega li mhux jieqaf bin-nies jixtru mill-frott tal-art għammiela. Huwa spjega: “In-nies qed jixtru bl-amment ma jagħtu każ xejn l-aqwa li jistorjaw u jkollhom. Ma waqafniex għax kullħadd jixtri, jċempel biex toħdilhom id-djar lil dawn ix-xjuħ.”
Bejjiegħa oħra qaltilna li n-nies qed jaħżnu l-ikel.
Marianne Galea sostniet: “Qed taffettwana ftit imma llum mhux ħazin. In-nies jibdew jaħsbu biex jixtru għax ma ma jkunux iridu joħorġu.”
Fuq fomm il-bejjiegħa tibqa’ mistoqsija wara li l-konsumaturi marru bil-gzuz biex jixtru. Briffa kompla jgħid: “Issa eżempju nhar it-Tnejn, tiftaħ il-pitkalija qed nibża ngħabbi jiena għax mhux ser inkun naf x’inhu x-xogħol għax din il-ġimgħa ħadu ħafna issa l-ġimgħa d-dieħla kullħadd jiekol milli fadallu.”
Intant koppja anzjana li kienet għadha kif lestiet ix-xirja tagħha stqarriet magħna li huma mdorrijin li jaħżnu għal meta tiġi bżonn.
Huma qalulna: “Le nippreferu li nkunu fl-arja aħna milli ġo l-folla aħna nħobbu l-baħar. Kif qegħdin f’din is-sitwazzjoni nippreferi niġi li nkun bogħod min-nies, mhux magħluqa ġo supermarket fil-folol u hawn l-arja. Aħna dejjem flimkien noħorġu u li tagħmel hi ben fatte. Jiena billi anzjani dejjem naħseb għall-affarijiet li jkolli, li nfittex u nsib biex f’każ inkun ma niflaħx jew ma nistax noħroġ dejjem għandi.”