Meta ħafna, u nemfasizza il-kelma ħafna, snin ilu kienu jgħallmuna dwar xi tixbihat mitoloġiċi niftakar li kellna għalliem li kien impressjonani meta kellimna dwar il-mostru b’għajnejn ħodor. Spjegalna li huwa mostru perikoluż ħafna għax ma jiflaħx jara l-ġid ta’ dawk ta’ madwaru imma jimtela’ għira negattiva li twasslu sabiex jagħmel minn kollox biex iġib fix-xejn it-tajjeb ta’ madwaru.
Bil-Malti l-mostru b’għajnejn ħodor jissombilizza l-għira.
U hija appuntu l-għira li wasslet għat-taqlib kollu li rajna fil-pajjiż f’dawn l-aħħar ġimgħat. Kien hawn ħafna fostna li ma felħux jaraw li l-ekonomija sejra tant tajjeb. Ma felħux jaraw n-nies tonfoq. Tiekol barra. Tilbes pulit. Tiddeverti. Iddawwar ir-rota tal-ekonomija.
U kemm nisma’, anke fuq il-post tax-xogħol tiegħi, min jawgura dan il-boom ekonomiku jiġi fi tmiemu u tiġi dik li tissejjaħ slump…fejn l-ekonomija taqbad it-triq tan-niżla u minflok fuq il-ġid nibdew nitkellmu dwar il-għaks.
U issa li dan ir-ritmu ekonomiku ġie ftit jew imtappan, issa dawn li kienu jitolbu għal din is-sitwazzoni qegħdin jibku d-dmugħ tal-kukkudrilli u jitkellmu dwar kemm naqas il-bejgħ, kemm in-nies mhux tonfoq, kemm in-negozju sejjer lura. Kemm il-ġbir tal-karità naqas mis-sena l-oħra.
Oqbra mbajda xejn aktar!
Mhux qed ngħid li ma sarux żbalji min-naħa tal-Gvern sabiex wasalna f’din is-sitwazzjoni. Pereżempju li jkollok min hu aqwa minn Prim Ministru mhux aċċettabbli. Bħal mhux aċċettabbli li tara l-ambjent ta’ madwarek jitnaqqar b’deċiżjonijiet inspjegabbli mill-Awtorità tal-Ippjanar jew aħjar tan-nuqqas ta’ Ippjanar fejn il-veduta tan-nies illum saret il-kamra tas-sodda tal-binja mostru li telgħet quddiemhom u li qatgħetilhom id-dawl u l-arja. Ma kienx aċċettabbli lanqas li l-Gvern ma ħa l-ebda miżuri sabiex ngħidu aħna fil-qasam tal-catering fejn konna niftaħru li bir-roħs tal-kontijiet tad-dawl, il-lukandiera setgħu jinvestu l-flus li kienu se jiffrankaw fil-ħaddiema tagħna. U sitt snin wara, il-ħaddiema fil-catering bil-karawett kienu jitħallsu u bil-karawett baqgħu jitħallsu. U l-flus li iffrankaw il-lukandiera fejn marru? U fuq l-istess livell fejn marru jew qed imorru l-flus li jieħdu l-kuntratturi meta imbagħad lill-ħaddiema tagħhom jagħtuhom il-minimu possibbli? Ma kinux żminijiet li kienu dejjem pro ħaddiema fl-opinjoni tiegħi.
Iżda minkejja dawn in-nuqqasijiet l-pajjiż b’mod ġenerali kien sejjer tajjeb. Anzi tajjeb ħafna. L-għira ta’ dawk fostna li ma felħux għal dan il-ġid wasslet għas-sitwazzjoni tal-lum. L-istess għira waslet min-naħa tal-Unjoni Ewropeja li bħala istituzzjoni ma felħitx tara biċċa blata f’nofs il-Mediterran li kien qed ikollha dawn ir-riżultati inkredibbli fl-ekonomija meta ħafna mill-pajjiżi Ewropej jgħumu fil-miżerja, fil-qgħad u fin-nuqqas ta’ tama għal futur aħjar.
Imma l-mostru bi tliet għajnejn lest jeqred kollox. U għal ftit taż-żmien irnexxielu.
L-istess kif f’dan il-ftit taż-żmien dawk l-ilpup maħkuma mill-mostru ta’ għajnejn ħodor u li kienu libsu l-libsa ta’ ħaruf u bdew taparsi jinħabbu mal-Moviment Laburista u issa li raw li r-riħ qed idur xi ftit, reġgħu għal libsa tal-ilpup u jiktbu fuq is-social media u jagħtu bl-istallett lill-istess Gvern li sa ftit xhur kien iżommhom fuq l-idejn anke a skapitu ta’ persuni validissimi ta’ twemmin Laburista li b’suppervja ġew imwarrba u ridikolati minn min imexxi xi Ministeri.
Imma issa mhuwiex il-mument ta’ rabja jew ta’ disperazzjoni.
L-awgurju tiegħi hu li l-mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista u, eventwalment Prim Ministru, jevalwa din is-sitwazzjoni u minbarra li jiżbor is-siġra tal-Gvern Laburista, jara li jafda l-futur ta’ din is-siġra f’idejn min verament għandu għal qalbu il-ġid tal-Partit Laburista u ta’ pajjiżna.
U kemm jista’ ikun lill-mostru b’għajnejh ħodor inżommuh magħluq f’xi għar imbiegħed ‘il bogħod minn kulħadd u mit-tmexxija ta’ pajjiżna.
Ilhom jitolbu li jkun hemm slump…l-Ewropa l-għira ma felħuhiex…
Żbalji saru, ħallejna lil min rikeb fuq il-fiduċja tal-poplu…l-ambjent, il-vedut tiegħi hija l-kamra tas-sodda ta’ faċċata l-plasijiet fil-catering li baqgħu dejjem l-istess.
Ħafna lpup reġgħu saru lpup…rikbu l-karru tal-Gvern u issa ħarġu fil-beraħ.
M5 stelle…kollox negattiv…issa qegħdin fil-poter u qed jiddiżintegraw.
Bl-għaqal jiżen u jagħmel deċiżjonijiet.