Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Gvern irċieva abbozz ta’ rapport mingħand il-Moneyval b’rabta mal-eżami li sarlu fuq talba tal-Kunsill tal-Ewropa fl-2018.
Dr Abela saħaq li l-abbozz tar-rapport li ġie mgħoddi lilu, juri li l-Moneyval għaraf il-bidliet kbar li saru f’pajjiżna fl-aħħar xhur.
Huwa stqarr: “Qed nuru li dak kollu li ġie assenjat lil pajjiżna sa minn qabel l-2012, ħdimna fuqu, għamilna l-bidliet kollha meħtieġa. Biss biss insemmi avviżi legali li jolqtu b’xi mod jew ieħor ir-rapport tal-Moneyval u bidliet leġiżlattivi oħra. Għamilna 48 biċċa ta’ leġiżlazzjoni u bidliet oħrajn. Jiġifieri wrejna kemm verament għamilna bidliet.”
Il-Prim Ministru qal li għad fadal xi jsir biex Malta ma titpoġġiex mal-lista l-griża.
Dr Abela qal, “Se nibqgħu naħdmu bis-saħħa biex ngħaddu l-istadju li pajjiżna ma jiġix grey listed u nemmen li b’ħafna ħidma nistgħu naslu hemmhekk imma fuq kollox il-messaġġ ewlieni jibqa’ li dak kollu li wassal biex pajjiżna jsir ir-rapport dwaru li sar fl-2018 ma rridx li qatt jerġa’ jiġri f’dan il-pajjiż.”
Il-Prim Ministru tenna li l-Gvern se jibqa’ jibni fuq il-bidliet li saru.
Fil-fatt, meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-qasam finanzjarju ta’ pajjiżna, il-Prim Ministru tenna li huwa jieħu azzjoni bbażata fuq ir-responsabbiltà.
Dan b’differenza għall każijiet fil-passat fejn Prim Ministru Nazzjonalista ta maħfra presidenzjali fis-satra tal-lejl.
Dr Abela sostna l-wegħda tiegħu, li l-ġustizzja ssir ma’ kulħadd: “Dan il-Gvern mhu se jħares lejn wiċċ ħadd fit-tiftixa għall-verità. Mhu se jħares lejn wiċċ ħadd u mhu se jipproteġi lil ħadd mill-każ ta’ Daphne Caruana Galizia ’l isfel. Dwar il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia m’jien se nħalli lil ħadd ifixkel il-proċess li bih toħroġ il-verità sħiħa u kull min kien responsabbli ta’ dak il-każ, iħallas għal għemilu.”
Il-Prim Ministru saħaq ukoll li l-azzjonijiet ta’ ċertu persuni, ma jfissrux li l-Partit Laburista tilef il-valuri tiegħu: “Jekk inti kellek qassisin li tressqu quddiem il-Qrati tagħna fuq abbuż sesswali ma ngħidx li l-valuri tal-Knisja nbidlu, ngħid anzi li kien hemm nies li mxew kontra l-valuri tal-Knisja.”
Intant, il-Prim Ministru esprima d-diżappunt tiegħu għall-atteġġjament tal-esponenti tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew din il-ġimgħa, fosthom Simon Busuttil, li instiga dibattitu fil-konfront ta’ pajjiżna dwar l-aħħar żviluppi quddiem il-Qrati.
Dan minkejja li f’pajjiżna qed jitressqu n-nies quddiem il-ġustizzja u saru ħemel ta’ riformi dwar is-saltna tad-dritt.
Huwa saħaq: “Li inti tmur quddiem il-Parlament Ewropew, Membru Parlamentari Ewropew Malti bħal kull wieħed u waħda minna u tmur issenser isem pajjiżek f’din l-istituzzjoni hija xi ħaġa mhux biss ma nifhimx iżda li ma naċċetta qatt. Ma naċċettahiex għax fl-aħħar mill-aħħar qed jgħaddu messaġġ li mhuwiex il-verità.”
Il-Prim Ministru elenka l-ħidma li saret fl-aħħar xhur, minkejja l-isfidi tal-pandemija li affaċċja kull pajjiż, u sostna li huwa kburi bil-ħidma tal-Gvern li jmexxi.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/03/28/l-istrategija-hija-dik-li-nattakkaw-bil-vaccin-u-niddefendu-bil-mizuri-preventivi-il-pm/