Il-Pulizija qed teżamina cameras li hemm fit-triq u l-filmati provduti minn stabilimenti, biex jidentifikaw min kien qiegħed juża l-mobile. Trid teżamina wkoll is-sejħiet li saru bil-mobiles f’dik iż-żona u f’dak il-mument.
Filwaqt li qal li ma kienx fuq is-sit allura ma jistax jgħid kemm kien hemm splussiv, il-fatt li l-persuna midruba tilfet saqajh it-tnejn jindika li kien hemm ċertu ammont ta’ splussiv mhux ħażin. Qabbel dan il-każ ma’ meta kien midrub Tony Borg Caruana, supretendent tal-Pulizija irtirat, li mar jistartja l-karozza u splodiet barra d-dar tiegħu Ħ’Attard. Dan kien tilef biss il-pala ta’ sieq minnhom, għal kuntrarju ta’ dak li ndarab il-bieraħ.
Mistoqsi dwar il-possibiltà li min qiegħed il-bomba huwa barrani minħabba li huwa insolitu għal pajjiżna, l-espert Abela Medici qal li l-Maltin kienu jifmu fl-antik – kif jixhed il-każ relattivament sofistikat ta’ Karin Grech – u għandhom jifmhu illum, speċjalment f’dinja fejn fuq l-internet issib minn kollox.
“Irid ikollok aċċess għall-isplussiv, li mhux faċli ħafna, imma mhux diffiċli lanqas” sostna Abela Medici. Fakkar li fl-1985 kien hemm 27 spluzzjoni ta’ bomba f’pajjiżna, b’ħafna mill-isplussivi inġabru minn madwar Filfla.