Mohamed Abrini, s-suspettat ewlieni fl-attakk terroristiku fl-ajruport ta’ Brussell qed jiġi investigat formalment b’rabta mal-attakki f’Pariġi fl-2015.
Abrini, huwa r-raġel li deher liebes kappell fil-filmati li ħarġu wara li seħħ l-attakk fl-ajruport ta’ Brussell f’Marzu tal-2016. L-akkużat kien arrestat mill-Pulizija f’April li għadda.
Mohamed Abrini kien deher fil-karozza ma’ Salah Abdeslam, li kien is-suspettat ewlieni tal-attakki f’Pariġi, jumejn qabel ma saru l-attakki fil-kapitali Franċiża. Il-marki tas-swaba tiegħu nstabu ukoll fil-karozza li ntużat fl-attakki terroristiċi.
Wara li ġie arrestat, Abrini ammetta li kien hu l-persuna li ħa lil Salah Abdeslam lura l-Belġju wara l-attakki f’Pariġi.