Minn nhar it-Tnejn li ġej, l-1 ta’ Lulju, il-Ġnien tal-Biskuttin u Pjazza Tritoni se jinbidlu f’dinja ta’ kreattività, kultura, moda u sbuħija waqt il-Malta Fashion Week, li l-qofol tagħha jintlaħaq bil-Malta Fashion Awards fi tmiem il-ġimgħa ta’ wara.
Adrian J. Mizzi, il-moħħ wara l-Malta Fashion Week għal diversi snin, spjegalna aktar dwar l-edizzjoni ta’ din is-sena.
Qal, “Il-Malta Fashion Week hi rinomata fejn persuna, li qed tattendi hawnhekk, tkun qed tara l-kollezzjonijiet artistiċi ta’ disinjaturi Maltin kif ukoll barranin. Hawn erbat ijiem sħaħ ta’ sfilati tal-moda u n-nies waqt li jkunu qegħdin jattendu, apparti l-isfilati tal-moda, ikunu qegħdin jaraw affarjiet oħrajn kollha relatati ma’ dak li għandu x’jaqsam mal-ġimgħa tal-moda.”
Mizzi tgħarrfilna wkoll dwar l-istorja tal-Malta Fashion Awards.
Qal, “Il-Malta Fashion Awards se jkun is-sitta u għoxrin darba li qed jiġi organizzat fejn fihom imbagħad naraw dawk in-nies li jaħdmu fis-settur tal-moda, jiġu ppremjati għal sena xogħol li jkunu għamlu biex jeċċellaw fis-settur partikolari tagħhom. Naraw għaxar awards minn mudelli, stilisti tax-xogħol, għal makeup artist u content creators. Dawk kollha li għandhom x’jaqsmu mad-dinja tal-moda lokali.”
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Clayton Bartolo, qal li l-Malta Fashion Week mhux biss tiċċelebra l-moda, imma sservi wkoll bħala reklam għal pajjiżna bħala ċentru ta’ eċċellenza fejn tidħol sbuħija u saħasitra kreattività.
Qal, “It-turisti li jiġu għall-fashion tourism għandhom nefqa akbar minn turisti oħrajn u għalhekk din teħodna fid-direzzjoni ta’ kwalità li qegħdin naraw li nsaħħu biex, filwaqt li nsaħħu n-numru ta’ turisti, irridu nsaħħu l-introjtu ekonomiku u b’hekk verament mit-turiżmu jgawdi kulħadd u minn dan il-ġid, imbagħad, naraw li jkollna ekonomija sostennibli li tkompli tgħin lill-poplu Malti u Għawdxi kollhu kemm hu.”